Ambjent Lokali

Il-Kumitat Ornis jirrakkomanda l-qbid ta’ 7 għasafar tal-għana ħajjin fil-Ħarifa

Il-Kumitat Ornis, li ltaqa’ lbieraħ filgħaxija, irrakkomanda fil-prinċipju l-applikazzjoni ta’ deroga mid-Direttiva tal-Għasafar tal-Kummissjoni Ewropea biex fil-Ħarifa li ġejja jkun permess il-qbid ta’ seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana ħajjin, dejjem taħt kundizzjonijiet stretti u superviżjoni.

Ir-rakkomandazzjoni biex jerga’ jinfetah l-istaġun tal-insib saret wara li l-Kumitat, waqt tliet laqgħat konsekuttivi, ikkunsidra s-sottomissjonijiet li tressqu mill-MEPA, mill-Unit tar-Regolamentazzjoni tal-Għasafar Slavaġ, minn BirdLife Malta u mill-FKNK.

Ir-rakkomandazzjoni kienet adottata b’ħames voti favur, vot kontra u astensjoni. Permezz ta’ stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, il-Gvern qal li ħa nota tar-rakkomandazzjoni u se jieħu deċiżjoni meta jasal il-waqt.

Fi stqarrija bi tweġiba, BirdLife Malta qalet li l-proposta tal-Kumitat Ornis li terġa’ tkun legalizzata l-prattika tal-insib tal-għasafar tal-għana se titfa’ l-konservazzjoni tal-għasafar f’Malta ħames snin lura. Il-Manager għall-Konservazzjoni ta’ BirdLife Malta Nicholas Barbara qal li ma jistax jifhem kif il-Gvern issa se jkun qed jikkunsidra li jintroduċi mill-ġdid din il-prattika llegali u li tmur kontra l-ħarsien tal-ambjent biex jogħġob lil-lobby tan-nassaba.

Nicholas Barbara qal li dan kollu ġara bħala riżultat tal-kollaborazzjoni bejn l-FKNK u l-Unit tar-Regolamentazzjoni tal-Għasafar Slavaġ u hu pass ieħor fil-politika tal-Gvern li jogħġob lil-lobby tal-kaċċaturi u tan-nassaba, anke jekk dan ifisser li jkun sfidat it-Trattat tas-Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. BirdLife Malta fakkret li s’issa Malta rċeviet żewġ twissijiet formali mill-Kummissjoni Ewropea wara li staġuni tal-insib kienu meqjusa bħala li kisru d-Direttiva tal-Għasafar.

Il-fatt li dawn it-twissijiet qed ikunu injorati u r-regolamenti qed ikunu abbużati, billi jkunu applikati derogi mhux ġustifikati, juri nuqqas ta’ tħassib dwar il-protezzjoni tal-ħajja selvaġġa u tal-ekoloġija f’Malta.

Sadanittant, fi zvilupp ieħor, ilbieraħ filgħaxija l-petizzjoni tal-FKNK biex jitħarsu d-drittijiet tal-minoranzi fid-dawl tar-Referendum kontra l-Kaċċa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Parlament mis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon. Il-petizzjoni li l-FKNK qed tgħid li għandha l-firma ta’ aktar minn 104,000 persuna kienet ippreżentata t-Tnejn wara marċ tul Triq ir-Repubblika mill-kaċċaturi u n-nassaba.