Il-Kumitat Ornis li ltaqa’ nhar it-Tlieta irrakkomanda fil-prinċipju l-applikazzjoni ta’ deroga dwar id-Direttiva tal-Għasafar tal-Kummissjoni Ewropea biex matul il-Ħarifa li ġejja jkun permess il-qbid ta’ seba speċi ta’ għasafar tal-għana ħajjin, dejjem taħt kundizzjonijiet stretti u superviżjoni.
Ir-rakkomandazzjoni saret wara li l-Kumitat waqt tliet laqgħat konsekuttivi, ikkunsidra s-sottomissjonijiet li tressqu mill-MEPA, mill-Unit tar-Regolamentazzjoni tal-Għasafar Slavaġ, minn BirdLife Malta u mill-FKNK. Ir-rakkomandazzjoni kienet adottata wara li kien hemm ħames voti favur, vot kontra u astensjoni.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali fi stqarrija qal li ħa nota tar-rakkomandazzjoni u se jieħdu deċiżjoni meta jasal il-waqt.
Sadattant fi stqarrija BirdLife Malta qalet li l-proposta tal-Kumitat Ornis li jerġa’ terġa’ tkun legalizzata l-prattika tal-insib tal-vrieden, se titfa l-konservazzjoni tal-għasafar f’Malta ħames snin lura.
Nicholas Barbara, il-Manager għall-Konservazzjoni ta’ BirdLife Malta qal li ma jistax jifhem kif il-Gvern issa se jkun qed jikkunsidra ir-ri-introduzzjoni ta’ din il-prattika illegali u li tmur kontra l-ħarsien tal-ambjent biex jogħġob lil lobby tan-nassaba.
BirdLife Malta qalet li minkejja t-tħassib li uriet waqt il-laqgħa ta’ Ornis, il-proposta li jerġa’ jkun legalizzat l-insib għal għasafar tal-għana għaddiet minħabba li r-rappreżentanti tal-FKNK, tal-MEPA u t-tliet rappreżentanti tal-Gvern ivvutaw favur ir-rakkomandazzjoni tad-deroga. Kienet biss BirdLife Malta li vvutat kontra l-proposta.
Nicholas Barbara qal li dan kollu ġara bħala riżultat tal-kollaborazzjoni bejn l-FKNK u l-Unit tar-Regolamentazzjoni tal-Għasafar Slavaġ u hi pass ieħor fil-politika tal-Gvern li jogħġob il-lobby tal-kaċċaturi u tan-nassaba, anke jekk dan ifisser li jkun sfidat it-Trattat tas-Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
BirdLife Malta fakkret li s’issa Malta irċeviet żewġ twissijiet formali mill-Kummissjoni Ewropea wara li staġuni tal-insib kienu meqjusa bħala li kisru d-Direttiva tal-Għasafar.
Nicholas Barbara qal li l-fatt li dawn it-twissijiet tal-Kummisjsoni Ewropea qed ikunu injorati u r-regolament tal-ħajja selvaġġa qed ikunu abbużati billi jkunu applikati deroga mhux ġustifikati, juri nuqqas ta’ tħassib dwar il-protezzjoni tal-ħajja selvaġġa u tal-ekoloġija f’Malta.
Sadattant, il-petizzjoni tal-FKNK biex jitħasu d-drittijiet tal-minoranzi it-Tlieta tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra mis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon. Il-petizzjoni li kienet iffirmata minn madwar 104,293 persuna kienet ippreżentata lil Iskrivan tal-Kamra tar-Rappreżentanti nhar it-Tnejn wara marċ tul Triq ir-Repubblika mill-kaċċaturi u n-nassaba.
Fi stqarrija l-FKNK qalet li d-diskussjonijiet fil-Kumitat Ornis ma sarux mingħajr l-involviment siewi tal-Unit tar-Regolamentazzjoni tal-Għasafar Slavaġ li għamel ir-riċerki indipendenti u meħtieġa tiegħu u li analizza fl-iċken dettall kemm l-aspetti legali, xjentifiċi kif ukoll tekniċi tal-proposti tal-FKNK.
L-FKNK qalet li fid-dawl tal-ħsara inġusta li saret lil Malta minn persuni u entitajiet kontra l-kaċċa u l-insib, li għandhom ukoll interessi diretti finanzjarji, l-FKNK qalet li hi konxja wkoll li t-triq biex tali applikazzjoni ta’ deroga tgħaddi mill-għarbiel tal-Kummissjoni Ewropea, m’hix faċli u tista’ anke twassal għal konflitti fit-tul. Għalhekk se tpoġġi r-riżorsi u l-esperjenza kollha tagħha għad-dispożizzjoni tal-GVern biex id-deroga tkun applikata b’mod korrett fuq l-istess binarji li tkun applikata għall-insib tal-pluvieri u tal-imlievez.
//= $special ?>

