Ambjent Lokali

Il-MEPA tniedi portal ġdid biex tindirizza l-isfidi ambjentali

Geoportal hu l-isem ta’ sistema ġdida ta’ informazzjoni online bl-iskop li tgħin biex jingħelbu l-isfidi ambjentali li pajjiżna jista’ jiffaċċja fil-futur.

F’dan il-portal, li jinsab fl-indirizz elettroniku www.seismalta.org.mt, wieħed jista’ jsib l-aħħar informazzjoni ambjentali ta’ pajjiżna. Tagħrif li jista’ jiffaċilita u jagħti setgħa liċ-ċittadini, in-negozji u l-NGOs biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-istat tal-ambjent f’pajjiżna.

Dan il-portal tnieda mill-Awtorita’ Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-MEPA, f’konferenza tal-aħbarijiet fl-Akwarju Nazzjonali fil-Qawra u hu l-aħħar fażi ta’ proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropeja dwar il-monitoraġġ ambjentali.

Proġett li sar bl-għan li ssir enfażi fuq titjib radikali tal-monitoraġġ ambjentali nazzjonali f’sitt oqsma tal-ambjent li huma: l-arja, l-ilma, ir-radjazzjoni, l-istorbju, il-ħamrija u l-baħar.

It-tnedija tal-portal saret lejlet il-Jum Dinji għall-Ambjent, li għalih din is-sena n-Nazzjonijiet Uniti għażlet it-tema “Għolli lehnek mhux il-livell tal-baħar”. Tema li għandha tqajjem aktar kuxjenza biex nipproteġu l-istati gżejjer fejn qed jikber ir-riskju tal-effetti tat-tibdil fil-klima.

Preżenti għall-konferenza stampa kien hemm wkoll is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva Michael Falzon li spjega kif bħala pajjiż għandna minn issa nibdew permezz ta’ proġetti u l-infrastruttura tagħna u nilqgħu għar-riperkussjonijiet tat-tibdil fil-klima.

Tibdil li qed jaffetwa lid-dinja kollha bid-differenza li pajjiżi żgħar bħal Malta huma tal-ewwel li jkollhom jiffaċċjaw ċertu riperkussjonijiet bħal livell ogħla tal-baħar.

Xi ħaġa li mingħajr dubju se jkollha effett fuq il-bajjiet tagħna li minħabba fihom, kull sena, l-aktar fis-sajf, jiġu ħafna turisti.

Mat-tnedija tal-Portal tnieda wkoll ktieb ippublikat mill-Universita’ ta’ Malta u l-MEPA, li jelenka l-isfidi maġġuri li s-soċjeta’ qed tiffaċċja minħabba l-interazzjoni tal-ambjent, il-kapital uman u l-użu tal-art.