Futbol Sport

IN-NAZZJON jiżvela: Sliema fi ftehim mal-Franċiż Sylvestre

Sliema Wanderers dan l-istaġun jidher li qed jagħmlu dak kollu possibli biex jerġgħu jkunu forza fil-futbol Malti. Il-ġurnal In-Nazzjon illum żvela li wieħed mill-akkwisti l-kbar li se jsiru minn Sliema se jkun id-difensur Franċiż Mikaël Silvestre. Silvestre, li f’Awwissu jagħlaq 37 sena, lagħab 40 darba mat-Tim Nazzjonali Franċiż, kemm bħala difensur ċentrali kif ukoll fuq il-linja xellugija u rebaħ it-Tazza tal-Konfederazzjonijiet fl-2001 u fl-2003.

Beda l-karriera ma’ Rennes u fl-1996 kien akkwistat minn Inter fis-Serie A, fejn lagħab 18-il darba u f’sitt partiti taċ-Champions League. Fl-1999, ingħaqad ma’ Manchester United u magħhom kellu l-aktar suċċess, fejn rebaħ ħames darbiet il-Premier League, l-FA Cup, il-League Cup, darbtejn il-Community Shield, iċ-Champions League u t-Tazza Interkontintentali. F’Awwissu 2008 sieħeb lil Arsenal u wara sentejn, fl-istaġun 2009-10, ingħaqad ma’ Werder Bremen fejn lagħab 26 logħba qabel ingħata r-Release fl-istaġun 2011-12.

Minn dakinhar, lagħab ma’ Portland Timbers fil-MLS u fit-2 ta’ Mejju 2013 ċarrat il-ligamenti ta’ rkobbtu kontra New England Revolution, fejn tilef il-kumplament tal-istaġun wara li għamel operazzjoni. Hu ngħata r-Release minn Portland f’Jannar 2014.

Sliema kellhom negozjati wkoll ma’ Trapattoni

Sadanittant, hekk kif fil-jiem li għaddew sar magħruf li l-eks internazzjonali Ingliż ta’ Liverpool, Manchester United u Inter fost l-oħrajn Paul Ince se jkun il-kowċ ta’ Sliema, In-Nazzjon żvela wkoll kif dan il-klabb kien saħansitra qed jinnegozja mal-eks Kowċ Nazzjonali Taljan u tal-Irlanda Giovanni Trapattoni, qabel inħatar Paul Ince.