Ewropa Lokali

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-KE jolqtu l-kompetittivita’ tal-intrapriżi Maltin – il-GRTU

Il-ġlieda lill-evazjoni tat-taxxa, il-kwalità tal-ħaddiema Maltin, l-enerġija li tiġġedded, l-ineffiċjenzi u l-burokrazija fl-amministrazzjoni pubblika u l-aċċess għall-finanzjament u s-self għall-intrapriżi. Dawn huma ħames elementi li l-GRTU elenkat fi stqarrija bħala l-aktar punti essenzjali u urġenti li jridu jiġu ndirizzati mill-Gvern fid-dawl tar-rapport pubblikat fil-bidu tal-ġimgħa mill-Kummissjoni Ewropea b’rakkomandazzjonijiet individwali għal kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, fosthom Malta.

Dawn huma elementi li l-Kamra Maltija għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (GRTU) hi nkwetata dwarhom għax mhux qed jiġu ndirizzati. Għalhekk, appellat biex jingħataw attenzjoni mmedjata għax jeffetwaw direttament il-kompetittività tan-negozji żgħar u medji Maltin. Il-GRTU appellat lill-Gvern biex jieħu bis-serjetà dak li rrakkomandatlu l-UE fl-hekk imsejħa “Country Specific Recommendations“, li ħarget it-Tnejn.

Dwar il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-GRTU nnutat il-miżuri li diġà ttieħdu, kif ukoll oħrajn li hemm impenn li jittieħdu. Madankollu, enfasizzat li l-Gvern jeħtieġ jikkonċentra fuq fejn l-evażjoni hi l-aktar rampanti. Qalet li hemm tendenza li dejjem jispiċċaw fil-mira negozji li josservaw il-Liġi, filwaqt li barranin li qed jagħmlu l-kummerċ f’Malta b’mezzi differenti jew qed jipprovdu servizz f’pajjiżna, u li mhux qed iħallsu l-VAT jew l-eko-kontribuzzjoni, mhux qed jiġu ndirizzati.

Dwar il-ħaddiema, il-GRTU tfakkar li ilha tiġbed l-attenzjoni li l-ħiliet u l-kompetenzi tal-maġġoranza tal-ħaddiema Maltin mhux qed jissodisfaw il-bżonnijiet tal-intrapriżi u tal-industrija, filwaqt li tikkummenta li qatt ma ttieħdet bis-serjetà.

Dwar l-enerġija li tiġġedded, il-GRTU sostniet li kif inhuma l-affarijiet, hu mprobabbli li Malta tilħaq il-miri li suppost tilħaq sal-2020. Innutat kif fir-rapport tagħha, l-UE osservat li f’dan il-qasam mhux qed jiġi sfruttat il-potenzjal kollu. Il-GRTU tikkummenta fuq il-ħtieġa ta’ sforz akbar, speċjalment fejn għandu x’jaqsam mal-investiment mis-settur privat.

Sforutnatament, qalet il-GRTU, skemi intiżi li jattiraw dan it-tip ta’ investiment privat ġew irtirati jew inkella ma ġewx imġedda. Il-Kummissjoni Ewropea tagħmel ukoll referenza għall-ispejjeż għoljin fil-ġenerazzjoni tal-enerġija u anke hawn, hemm bżonn li l-fondi Ewropej jintużaw aħjar.

Dwar l-amministrazzjoni pubblika, il-GRTU tikkritika l-burokrazija kbira, li tgħid li hi l-aktar fattur li qed ixekkel lin-negozju. L-aktar eżempju ċar hu fejn għandu x’jaqsam mal-public procurement, jiġifieri l-għoti tal-kuntratti mill-Gvern. Il-GRTU tgħid li hawn jiddominaw il-burokrazija żejda, piżijiet finanzjarji esaġerati u nuqqas ta’ trasparenza, li qed jagħmluha diffiċli lill-SMEs biex jipparteċipaw fil-proċess.

L-aħħar element elenkat mill-GRTU hu l-iffinanzjar tad-dejn. Il-Kummissjoni Ewropea tikkritika n-nuqqas ta’ alternattivi li jeżistu u li qed iwasslu għal spiża għolja. Il-GRTU qalet li dan hu fl-istess linja tal-appelli kontinwi tagħha biex l-aċċess għall-finanzjament għall-intrapriżi jiġi ffaċilitat, b’mod speċjali billi jitnaqqsu l-ispejjeż involuti. Biex negozju jieħu self mill-banek, illum hemm ħafna spejjeż żejda, fosthom rati għoljin tal-interessi u ħlasijiet diretti u indiretti li jaqtgħu qalb in-negozjanti.

Il-GRTU ttemm l-istqarrija tagħha billi ttenni li b’xorti ħażina l-kompetittività ta’ Malta u tal-intrapriżi Maltin għadhom mhux fuq nett tal-aġenda tal-poltiċi u għalhekk hemm bżonn urġenti li s-sitwazzjoni tinbidel biex min irid jinvesti jsib min jgħinu u jinkoraġġieh minflok ixekklu.