Lokali Parlament

L-ebda ħsieb meta se tissejjaħ l-ewwel laqgħa tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ dwar il-bejgħ taċ-Ċittadinanza

Passaport Malti

Il-Gvern għad m’għandu l-ebda ħsieb meta se tissejjaħ l-ewwel laqgħa tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ dwar il-bejgħ taċ-Ċittadinanza. Dan sostnieh il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manwel Mallia meta fil-Parlament kien qed iwieġeb għal domandi supplimentari tad-Deputat Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppozizzjoni dwar dan il-qasam Jason Azzopardi.

Meta ġie mitlub jgħid kemm daħlu applikazzjonijiet għall-bejgħ taċ-Ċittadinanza fl-iskema s’issa, il-Ministru Mallia talab lid-Deputat Nazzjonalista jagħmel it-talba bil-miktub. Mallia mbaghad kien mistoqsi wkoll meta se ssir l-ewwel laqgħa tal-Kumitat wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni kemm-il darba, anke pubblikament, għamel talbiet biex jitlaqqa’ dan il-Kumitat. Madankollu, il-Ministru Mallia wiegeb li hu ma rċieva l-ebda talba formali mill-Kap tal-Oppożizzjoni biex isiru xi laqgħat ta’ dan il-Kumitat.

Dan il-Kumitat, imwaqqaf skont l-istess Liġi li tirregola l-bejgħ taċ-Ċittadinanza, jinkludi lill-Prim Ministru, lill-Kap tal-Oppożizzjoni u lill-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali. S’issa l-Gvern għadu ma ħassx il-ħtieġa li jlaqqa’ dan il-Kumitat u fl-ebda ċirkostanza għadha ma ngħatat informazzjoni kemm kienu l-applikazzjonijiet għall-bejgħ taċ-Ċittadinanzi, kemm intlaqgħu u kemm ġew rifjutati, min applika, xi dħul kellu l-Gvern s’issa u jekk kinux onorati r-regoli kollha li jorbtu lil min jakkwista ċ-Ċittadinanza Maltija skont l-iskema.

Il-Gvern s’issa ghadu wkoll qed jirrifjuta li jippubblika l-kuntratt iffirmat ma’ Henley & Partners, inkluż fil-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi, minkejja Ruling tal-iSpeaker li l-Kumitat għandu kull dritt jitlob li dan il-kuntratt ta’ miljuni ta’ ewro jiġi ppubblikat. F’dan il-każ, il-Gvern inqabad f’gidba meta qal li hemm deċiżjoni tal-Qorti li ma tħallix li dan il-kuntratt jiġi ppubblikat, iżda aktar tard irriżulta li dan mhux minnu.