Il-Membru Parlamentari Ewropew Ġermaniż Manfred Weber illum kien elett bħala ċ-Chairman tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fil-Parlament Ewropew. Hu se jieħu post il-Franċiż Joseph Daul, li ma kkontestax l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew. Weber kien elett b’190 vot favur u tnejn biss kontra biex il-PPE sar l-ewwel grupp politiku fil-Parlament Ewropew li għażel it-tmexxija tiegħu minn wara l-elezzjonijiet li saru bejn it-23 u l-25 ta’ Mejju.
F’messaġġ wara li ġie elett, Weber, li qabel serva wkoll bħala Viċi Chairman tal-PPE fil-Parlament Ewropew, irringrazzja lill-Ewropej li għal darb’oħra l-PPE ngħata l-fiduċja mill-elettorat. Hu qal li l-vot favur il-PPE jitfa’ aktar responsabbiltà fuq it-tmexxija tal-grupp biex jindirizza l-isfidi ewlenin li l-Ewropa qed tiffaċċja u se jkollha tiffaċċja fil-futur.
Filwaqt li rringrazzja lill-predeċessur tiegħu Joseph Daul, Manfred Weber qal li bħala l-istituzzjoni Ewropea eletta mill-poplu, il-Parlament Ewropew għandu dmir akbar biex tissaħħaħ il-fiduċja li l-Ewropej għandu jkollhom fl-Unjoni Ewropea. Weber se jkun qed imexxi l-ewwel laqgħa tiegħu f’din il-kariga billi llum wara nofsinhar se jiltaqa’ mal-grupp tal-PPE fil-Parlament Ewropew dwar il-ħatra tal-Viċi Chairmen tal-grupp.
F’din il-votazzjoni ħadu sehem ukoll it-tliet MEPs Maltin fi ħdan il-PPE, jiġifieri l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista David Casa, Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia. Roberta Metsola kienet appuntata wkoll mill-Grupp tal-PPE biex tissorvelja l-elezzjoni u l-proċess tal-għadd tal-voti. Fis-snin li għaddew, Manfred Weber ġie Malta kemm-il darba u anke ndirizza attivitajiet tal-PN.
Sadanittant, il-PPE ħabbar li Joseph Daul se jibqa’ jservi bħala l-President tal-PPE.
//= $special ?>