Qorti

Tifla vvintat li s-sieħeb ta’ ommha kien jabbuża minnha sesswalment għax ma kienx japprova r-relazzjoni mal-maħbub tagħha

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli, illiberat raġel minn akkużi ta’ korruzzjoni ta’ minorenni ta’ 16-il sena, li ffaċilita l-korruzzjoni tal-imsemmija tfajla, li kkaġuna feriti ħfief fuqha u li l-għemil żieni sar f’post pubbliku u li ħareġ barra mill-qies, f’każ li allegatament beda jingħad li seħħ fit-23 ta’ Jannar 2006 u fis-snin ta’ qabel. Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li l-verżjoni tar-raġel hi aktar kredibbli u li m’hemmx dubju li dan kollu seħħ għax l-akkużat ma kienx japprova r-relazzjoni li kellha bint il-maħbuba tiegħu mal-għarus tagħha. Kollox beda meta kemm omm it-tifla kif ukoll seħibha ma rieduhiex toħroġ mal-għarus tagħha.

Il-Qorti qalet li fir-rapport li sar mill-għarus tal-minuri, dan allega li sar biss swat fuq it-tifla minħabba li ma kinitx approvata r-relazzjoni. Kien wara li ħarġet l-istorja tal-abbuż sesswali mill-għarus tat-tifla. Il-Qorti qalet ukoll li ħut it-tifla xehedu li huma qatt ma raw isir xejn ħażin mill-akkużat. Anzi, huma ddeskrivewh bħala raġel li rabbihom u kienu jqisuh bħala missierhom. Il-Qorti qalet li tinsab konvinta li l-vera motivazzjoni tar-rapport kien li l-akkużat flimkien ma’ omm il-minuri ma riedux lit-tifla tibqa’ toħroġ mal-għarus li kellha.

Il-każ jirrigwardja allegat abbuż sesswali li seħħ fuq perjodu ta’ żmien minn raġel ta’ 54 sena mill-Ħamrun fuq it-tifla tas-sieħba tiegħu, meta huma kienu jgħixu flimkien fir-residenzi f’San Pawl il-Baħar u fir-Rabat. L-ewwel kien sar rapport mal-Aġenzija Appoġġ mill-għarus tal-minuri li din kienet tiġi msawwta mill-imputat. Madankollu, l-għada stess, ir-rapport kien ġie rtirat iżda l-Aġenzija Appoġġ xorta nvestigat wara li t-tfajla bdiet tallega li mill-età ta’ disa’ sa 16-il sena kien isir abbuż sesswali fuqha mis-sieħeb ta’ ommha.

L-allegazzjonijiet tat-tifla saru wara li nqala’ l-inkwiet bejnha u bejn il-familja tagħha minħabba li huma ma kienux japprovaw ir-relazzjoni li kellha mal-għarus tagħha. Fl-istess jum, omm it-tifla kienet għamlet rapport l-Għassa tal-Pulizija dwar l-abbuż sesswali mill-għarus tat-tifla fuq bintha.

Sadanittant, it-tifla kienet qalet fil-Qorti li f’Jannar 2006 kienet marret l-Għassa tal-Pulizija akkumpanjata minn social worker biex tagħmel rapport fil-konfront ta’ sieħeb ommha rigward l-allegati abbużi li saru fuqha meta kienet iżgħar. It-tifla qalet li meta kellha disa’ snin kienet toqgħod San Pawl il-Baħar u kienet torqod fl-istess kamra ma’ ħutha u z-ziju ta’ ommha. Qalet ukoll li meta kienet tkun fil-kamra tagħha, kien imur l-imputat u jmissilha saqajha u l-parti privata tagħha. Qalet ukoll li wara li beda jagħmel dawn l-affarijiet, sar ħanin magħha u kien jaqbeż għaliha meta kien ikollha xi tgħid ma’ ommha.

Fil-Qorti t-tifla qalet ukoll li wara l-ewwel okkażjoni, l-affarijiet żdiedu, fejn anke beda jneħħielha l-qalziet ta’ taħt u jgħidilha biex tagħmel atti żienja miegħu. Maż-żmien, dawn l-affarijiet bdew jonqsu iżda l-imputat xorta baqa’ jgħaddilha kummenti ta’ natura sesswali fil-konfront tagħha. Hi qalet li sieħeb ommha kien jgħidilha li meta tikber kien se jagħmel is-sess magħha kif diġà għamel ma’ ommha u ma’ sħabha. It-tifla qalet ukoll li ommha kienet taf li kienet torqod fl-istess kamra mal-akkużat, iżda ma kienet taf xejn dwar l-abbużi sesswali. Qalet li qatt ma tkellmet ma’ ommha fuq dawn l-affarijiet għax ħasbet li ma kinitx se temminha.

It-tifla qalet li dawn l-abbużi kienu bdew meta kellhom forn f’San Pawl il-Baħar u fir-residenza tagħhom fir-Rabat u komplew fil-forn fil-Ħamrun. Qalet li kien ukoll jikxef quddiemha l-parti privata tiegħu u jgħaddilha kummenti fuq il-warrani u sidirha. Qalet li fil-forn kienet tagħmel kollox, inkluż tqandel l-injam u meta tgħid li dan kollu ma kienx xogħolha, kien isawwatha. Xehdet li ma qalet lil ħadd dwar dan kollu u meta bdiet toħroġ mal-għarus tagħha l-imputat kien jgħidilha biex ma toħroġx miegħu, iżda fil-bidu dan kien jidħol għandhom u għamel xi żmien jaħdem fil-forn.

Filwaqt li l-minuri qalet li hi kellha relazzjoni sesswali mal-għarus tagħha u li ddeċidiet tagħmel rapport l-Għassa minħabba s-swat u l-abbużi li kienet qed tgħaddi minnhom id-dar, omm it-tifla kienet qalet fil-Qorti li saret taf bil-każ wara li bintha ma kinitx marret id-dar u bagħtu għall-omm fl-Għassa biex ikellmuha. Hi kkonfermat li riedet tieħu passi kontra l-għarus tat-tifla. Anke s-social worker qalet li t-tifla qaltilha minn xhiex kienet għaddejja mal-imputat. Anke l-għarus tat-tifla qal li l-imputat kien jagħmel att oxxeni quddiem it-tfajla tiegħu u li kull darba li xi ħadd jikkontradixxih, l-imputat jaqbad jgħajjat miegħu u jsawwtu.

Fil-Qorti, l-akkużat innega kull ħaġa li kien ingħad fuqu, kif kien innega b’mod konsistenti waqt l-investigazzjoni tal-Pulizija. Ħut it-tifla qalu wkoll li ħadd minnhom qatt ma kien sfurzat jaħdem fil-forn minnu. Għall-akkużat dehru l-avukati Veronique Dalli u Dean Hili, filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Raymond Aquilina u Roland Cassar.