Il-kumpanija Maltija Mariner Finance plc qed toffri tletin miljun ewro f’bonds lil pubbliku bid-dritt li l-ammont jitla’ sa ħamsa u tletin miljun ewro skont id-domanda tal-pubbliku,
Il-bonds, li huma unsecured, se jintużaw għal skop ta’ tiġdid ta’ ffinanzjar ta’ self bankarju eżistenti, possibiltajiet ta’ xiri ta’ portijiet jew faċilitajiet loġistiċi oħra u għal fondi korporattivi tal-Grupp.
Il-bonds qed jinħarġu b’rata ta’ imgħax ta’ ħamsa punt tlieta fil-mija fis-sena bi prezz inizjali ta’ mitt ewro kull bond u jimmaturaw fl-elfejn u erbgħa u għoxrin. Il-kumpanija applikat biex il-bonds ikunu innegozjati fil-Borża ta’ Malta.
Il-Grupp Mariner beħsiebu jespandi l-operazzjonijiet tat-terminal tal-kontejners tiegħu l-aktar f’reġjuni servuti mis-sistema ta’ portijiet Ewropej fosthom l-Ingilterra, iż-żona tal-baħar Baltiku u l-Mediterran. Il-grupp se jespandi wkoll il-ħidma tiegħu fit-terminal Baltiku permezz ta’ investiment f’tagħmir tal-portijiet, imħażen u proċessi teknoloġiċi.
Iċ-Chairman u Kap Eżekuttiv ta’ Mariner Group Marin Hili qal li kemm ilha tħaddem it-Terminal tal-kontejners f’Riga fil-Latvja l-kumpanija tiegħu, mill-1996, dan it-Terminal sar l-akbar faċilita’ tal-kontejners fil-Baltiku.
Il-formoli tal-applikazzjoni għax-xiri tal-bonds ta’ Mariner Finance se jkunu disponibbli mit-Tnejn li ġej.
//= $special ?>