Il-Gvern għamel u-turn fuq l-Avviż Legali kontroversjali li jagħti l-poter lill-Ministru tal-Edukazzjoni li jkollu aċċess għal informazzjoni sensittiva u personali dwar l-istudenti, hekk kif fl-aħħar sigħat ħabbar li l-Avviż Legali ġie sospiż temporanjament. Fi stqarrija, kien il-Ministeru tal-Edukazzjoni stess li ħabbar li l-Avviż Legali mhux se jkun implimentat għalissa sakemm ilesti l-ħidma tiegħu Working Group li twaqqaf apposta.
L-Avviż Legali kien ġie kkontestat mill-Oppożizzjoni fil-Parlament f’nofs April li għadda. Madankollu, il-Gvern kien baqa’ għaddej bil-pjani tiegħu u ddefenda d-deċiżjoni li l-Ministru jkollu aċċess għad-data personali tal-istudenti fil-livelli kollha tas-sistema edukattiva. Fl-istqarrija tiegħu, il-Ministru Evarist Bartolo qal li waqt li kien għaddej id-dibattitu, hu kien iddikjara li se jaħdem mill-qrib mal-Kummissarju l-ġdid għall-Protezzjoni tad-Data wara li dan jiġi appuntat. Malli kien appuntat f’din il-kariga Saviour Cachia, tgħid l-istqarrija, il-Ministeru talab l-assistenza tiegħu fuq din il-kwistjoni.
Riżultat ta’ dawn it-taħditiet, kompla jispjega l-Gvern, kien deċiż li jerġa’ jiġi appuntat il-Working Group dwar l-Edukazzjoni, li jinkludi rappreżentanti mill-Ministeru, mid-Direttorati, mill-Iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti, mill-MCAST, mill-ITS u anke mill-Università. Issa l-Ministru ddeċieda li sakemm dan il-Working Group ilesti l-ħidma tiegħu f’dan ir-rigward, jissospendi d-dħul fis-seħħ tal-Avviż Legali.
Sadanittant, l-MŻPN laqgħet bi pjaċir l-aħbar maħruġa mill-Ministru Evarist Bartolo, ċioe li l-Avviż Legali jiġi sospiż. L-MŻPN fakkret li kienet minn ta’ quddiem li kritikat il-fatt li dan l-Avviż Legali kien se jagħti aċċess lil Ministru għal informazzjoni sensittiva dwar l-istudenti.
L-MŻPN qal li dan l-Avviz Legali huwa wieħed inaċċettabli, u għalhekk għandu jiġi sospiż darba għal dejjem. Il-Moviment taż-Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista qal li jekk il-Gvern beħsiebu jinsisti li jimplimenta dan l-Avviz Legali, l-MŻPN lest li jpoġġi bilqiegħda mal-Gvern għad-diskussjonijiet, li fihom jinstemu l-ilħna taż-żgħażagħ studenti.
//= $special ?>

