Mijiet ta’ veterani tal-Gwerra mir-Renju Unit, mill-Istati Uniti u mill-Commonwealth bdew jaslu fi Franza għat-tifkira tas-70 anniversarju tal-iżbarki mill-Alleati fin-Normandija. Uħud minn dawn il-veterani qed jirritornaw fuq ix-xtajtiet fit-tramuntana ta’ Franza għall-ewwel darba f’70 sena. L-invażjoni Alleata fin-Normandija, jew kif kienet magħrufa militarment “Operation Overlord” seħħet fis-6 ta’ Ġunju 1944. Din l-akbar invażjoni mill-baħar u mill-ajru wasslet għat-tiġdid tar-Repubblika Franċiża u kkontribwiet għar-rebħa tal-Alleati u għall-ħelsien tal-Ewropa mill-Ġermanja Nazista fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Madwar 600 veteran mir-Renju Unit u madwar 350 veteran ieħor mill-Istati Uniti, li llum għandhom aktar minn 80 u 90 sena, huma mistennija jieħdu sehem fil-kommemorazzjoni li għaliha se jattendu diversi mexxejja dinjija, fosthom il-President Amerikan Barack Obama, il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel, il-President Russu Vladimir Putin u r-Reġina Eliżabetta II. Iċ-ċerimonja prinċipali tal-Ġimgħa se ssir f’Sword Beach, waħda mill-ħames xtajtiet li fuqhom saru l-iżbarki u li kienet assedjata minn Diviżjoni Ingliża tal-Infanterija, b’madwar 29,000 suldat jiżbarkaw fuqha.
Din ix-xtajta partikolari se tkun qed isservi ta’ tifkira adattata, mhux biss għall-156,000 suldat li ffurmaw il-forza alleata tal-invażjoni, iżda wkoll għall-177 commando ħieles Franċiż li 70 sena ilu ħadu sehem f’missjonijiet fuq l-art flimkien mal-qawwiet Ingliżi. Il-Ġimgħa wkoll, il-President Obama mistenni jingħaqad mal-President Franċiż Francois Hollande fiċ-Ċimiterju Amerikan ta’ Colleville-sur-Mere. Il-forzi Amerikani kienu ġarrbu eluf ta’ mwiet, partikolarment f’Omaha Beach, fejn l-ostakli fuq ix-xtajta ppermettew lis-suldati Ġermaniżi jeliminaw kwantitajiet ta’ suldati huma u jiżbarkaw fuq ir-ramel.
Malta wkoll hi preżenti b’rappreżentanza minn membri tal-Military Vehicles Collectors Club, li jinsabu fin-Normandija biex isegwu t-tifkiriet fuq vetturi u muturi miżbugħin bil-camouflage ta’ Malta. Madwar 10 vetturi u muturi apposta ntbagħtu f’kontejner lejn Franza biex jintużaw f’din it-tifkira.
//= $special ?>
