Lokali

App biex tiffaċilita l proċess tat-tobba u l-ispiżjara

It-tilqim jgħin fil-protezzjoni tal-individwu mill-possibilita’ li jimrad u jinfetta ruħu. Għaldaqstant huwa importanti li wieħed jieħu l-vaċċin neċessarju minn żmien għal ieħor u li jżomm ruħu nfurmat.

Għal dan il-għan, Vivian Corporation, kumpanija ewlenija ta’ importaturi tal-mediċini flimkien ma’ ‘The Synapse’, li hi network online ta’ professjonisti fil-qasam mediku, ħadmu sabiex joħolqu app għall-mobile bl-isem ta’ ‘The Synapse’.

It-tnedija ta’ din l-app saret fis-swali tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Intrapriża fil-Belt Valletta.

Fost il-kelliema kien hemm Charmaine Gauci, Chairperson tal-Kumitat li jagħti Pariri fuq il-Politika ta’ Immunizzazzjoni, Victoria Farrugia Sant’Angelo, Manager tal-Programm Nazzjonali tat-Tilqim u Wilfred Galea, id-Direttur Manigerjali ta’ The Synapse.

Din l-app għat-telefon ċellulari se tiffaċilita l-proċess tat-tobba u l-ispiżjara biex jaraw liema vaċċini huma fis-suq u liema tkun l-aħjar għazla għat-tfal u l-anzjani b’ċerti kundizzjonijiet. U se tiżgura li t-tabib jagħti l-informazzjoni meħtieġa fl-iqsar ħin possibbli lill-pazjent mingħajr żbalji.

Wilfred Galea qal li l-iżvilupp ta’ din il-mobile app huwa realta’ globali fil-qasam tal-mediċina. “Aħna kburin li qed nipprovdu din il-mobile app lit-tobba u l-ispiżjara sabiex tgħinhom fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum”, qal Galea