Lokali

Appell biex l-emenda kostituzzjonali kontra d-diskriminazzjoni mal-persuni b’diżabbiltà tiġi approvata mill-aktar fis

Il-Forum Opportunitajiet Indaqs fi ħdan il-Partit Nazzjonalista x-xahar li għadda ppropona emenda fil-Kostituzzjoni biex tinkludi li diskriminazzjoni abbażi ta’ nies b’diżabbiltà tkun kontra l-Liġi. F’Mejju li għadda, din l-emenda ġiet ippreżentata fil-Parlament mill-PN u l-Forum qed iħeġġeġ lil Parlament li din l-emenda tiġi approvata mill-aktar fis possibli.

Fi stqarrija, il-Forum Opportunitajiet Indaqs ikkonferma wkoll il-pożizzjoni tiegħu favur il-ħajja, tkun f’liema stadju tkun u mingħajr ebda restrizzjoni. Għalhekk, il-Forum qed isostni l-pożizzjoni tiegħu li r-rispett lejn il-ħajja għandu jkun mill-bidu nett tal-eżistenza tagħha mill-koncepiment. Fuq kollox, ir-rispett lejn il-ħajja hu valur konsistenti u ma jinbidilx skont il-qagħda tas-saħħa mentali, sensorjali jew fiżika tal-individwu. Il-Forum jisħaqq li r-rispett mill-bidu nett tal-ħajja ta’ kull individwu m’għandu qatt ikun mittiefes.

Fl-istqarrija l-Forum fakkar li wieħed mill-għanijiet tiegħu hu li jwassal il-prinċipju ta’ opportuntajiet indaqs għal kulħadd. Għaldaqstant, il-Forum qed jaħdem bis-sħiħ biex il-bżonnijiet u d-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà jibqghu jigu mogħtija d-dinjità u r-rispett. Bil-ħidma tiegħu, il-Forum Opportunitajiet Indaqs hu l-vuċi li tiggarantixxi rispett lejn il-ħajja.