Ċifri li ħarġu lbiraħtlula mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, juru kif Malta qed iżżid il-qgħad meta pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea qed inaqqsuh. U juru kif meta fl-Ewropa l-qgħad kien qed jiżdied, f’Malta kien qed jonqos, imma issa f’Malta l-qgħad qed jiżdied meta fl-Ewropa qed jonqos.
Żieda fil-qgħad f’Malta bla raġuni ġejja minn barra
Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li l-qgħad f’Malta issa tela’ għal 7 fil-mija meta sena ilu – mal-bidla fil-gvern – il-qgħad kien 6 fil-mija. Din iż-żieda fil-qgħad waħedha diġà ħażina. Agħar hu l-fatt li din iż-żieda fil-qgħad f’Malta m’għandhiex raġunijiet għaliha li ġejjin minn barra. Għax fl-Ewropa l-qgħad jonqos kien fl-aħħar sena.
Malta taqa’ tliet postijiet f’sena fil-klassifika tal-qgħad fl-Ewropa
Tant iż-żieda fil-qgħad f’Malta qiegħda sseħħ kontra x-xejra fl-Ewropa, li Malta issa għadha kemm tilfet post ieħor fil-klassifika tal-qgħad fl-Ewropa. Sena ilu, kienet fir-raba’ post. Tul din is-sena kienet nieżla u issa Malta qiegħda fis-seba’ post. Tliet postijiet lura għax Malta qed iżżid il-qgħad waqt li ħaddieħor fl-Ewropa qed inaqqsu.
Issa qabżitna l-Ingilterra, pajjiż li l-kriżi ekonomika kidditu ferm
Interessanti li issa qabżitna anke l-Ingilterra. Jiġifieri, skont il-kejl Ewropew tal-qgħad, bħala persentaġġ il-qgħad f’Malta hu ogħla mill-qgħad fl-Ingilterra. Issa l-Ingilterra kienet wieħed mill-aktar pajjiżi mikdudin mir-riċessjoni li laqtet lid-dinja fl-aħħar ħames snin. Sa rvellijiet kellhom fl-2011 flimkien mal-qgħad għoli.
Il-qgħad f’Malta jiżdied minkejja li ddaħħlu ħafna nies mal-gvern
Illum, l-Ingilterra għandha qgħad inqas minna f’wirja oħra li f’Malta l-qgħad qed jiżdied bla raġuni ġejja minn barra. U qed jiżdied ukoll hawnhekk il-qgħad minkejja li l-Gvern Laburista fl-aħħar sena daħħal skoss nies mal-gvern. Għax iċ-ċifri tal-Gvern Malti stess juru li fl-aħħar sena n-nies mal-gvern żdiedu b’1,400.
Daħlu 3,000 ruħ mal-gvern meta l-Gvern qal li se jnaqqas u mhux iżid
Din hi ż-żieda mal-gvern għax minn mal-gvern jirtiraw 1,500 ruħ fis-sena. Jiġifieri fl-aħħar sena daħlu 3,000 ruħ mal-gvern, 1,500 flok dawk li rtiraw u 1,500 oħra żieda fuqhom. Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna f’rapport importanti qal lill-Unjoni Ewropea li mhux se jdaħħal nies mal-gvern daqs kemm jirtiraw ħalli jnaqqas l-iżbilanċ. Mhux talli ma daħħalx daqs kemm irtiraw, talli daħħal id-doppju.
Fil-maltemp Ewropew 2007-13 Malta gawdiet il-bnazzi; issa bil-maqlub
U dawn it-3,000 ruħ li daħlu mal-gvern fl-aħħar sena jaħbu allura ż-żieda vera fil-qgħad. Żieda li turi li l-ekonomija tagħna mill-2007 sal-2013 kienet oasi ta’ bnazzi ekonomiku waqt li fl-Ewropa kien għaddej maltemp ekonomiku kbir; imma issa li fl-Ewropa reġa’ l-bnazzi ekonomiku, aħna qed inżidu l-qgħad f’Malta. U minkejja li l-Gvern qed jaħbi biċċa sew minnu bl-impjiegi mal-gvern, xorta Malta waqgħet tliet postijiet lura fil-klassifika Ewropea tal-qgħad.