Lokali

Filmat: Marlene Farrugia b’dikjarazzjoni oħra favur it-tmexxija ta’ Simon Busuttil

Terġa’ tikkritika l-marketing campaign tal-Gvern biex jintesew il-wegħdiet miksura

Għat-tieni darba f’ġimgħa, id-Deputata Laburista Marlene Farrugia għamlet dikjarazzjoni oħra li fiha tkellmet dwar it-tmexxija tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li daħal għal din l-isfida f’mument meta l-Partit kien għaddej minn diffikultajiet. Din il-ġimgħa, id-Deputata Laburista Marlene Farrugia kienet il-mistiedna waqt il-programm Frux fuq Xejk TV. Fl-istess programm, hi tkellmet ukoll dwar il-ħtiega li l-PN jagħmel it-tibdiliet meħtieġa biex jinfetaħ aktar għan-nies.

Waqt il-programm, ippreżentat minn Ivan Bartolo, Marlene Farrugia tkellmet ukoll dwar l-importanza li l-partiti politiċi jwettqu l-wegħdiet li jagħmlu biex jirbħu r-rispett tal-poplu. Id-dikjarazzjonijiet mid-Deputata tal-Gvern isegwu kummenti li għamlet il-Ġimgħa li għadda waqt il-programm Xarabank. Dakinhar, Marlene Farrugia qalet li Simon Busuttil għandu jingħata l-fiduċja kollha, filwaqt li fakkret li Simon Busuttil ħalla l-kariga tiegħu ta’ Membru Parlamentari Ewropew minkejja d-diffikultajiet kollha li kien jaf li se jsib quddiemu fil-PN.

Ftit jiem biss wara, fl-artiklu tagħha ta’ kull nhar ta’ Tnejn f’The Malta Independent, Farrugia kitbet li filwaqt li tirrikonoxxi li Joseph Muscat bir-rebħa fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew wera li hu espert fl-istrateġija, hi ma taqbilx assolutament mal-mod kif il-Gvern qed kulma jmur jadotta sistema ta’ klijenteliżmu bil-għan li jsaħħaħ il-poter. Kitbet ukoll li ma taqbilx lanqas mal-fatt li l-Gvern irid iżomm il-poter kollu f’idejh u jiddeċiedi kollox hu.

Marlene Farrugia kitbet li din hi xi ħaġa li kienet tiġri fis-snin sebgħin u tmenin, iżda li llum qed issir bla mistħija ta’ xejn u fil-miftuh, biex issa dalwaqt issir ir-regola tal-ġurnata. Dan m’għandux ikun hekk, aktar u aktar għax ġejna mwegħda stil ġdid ta’ politika, kitbet id-Deputata Laburista.