Mil-lum jibdew il-provi liberi għall-Grand Prix tal-Kanada u s-sewwieq tal-Mercedes, Lewis Hamilton se jkun qed ifittex ir-raba’ rebħa fil-karriera tiegħu fil-Kanada biex b’hekk jerġa’ jitla’ fil-quċċata tal-klassifika tas-sewwieqa. Ġimgħatejn ilu, qabel il-Grand Prix ta’ Monaco l-Ingiż kien qiegħed fil-quċċata b’vantaġġ żgħir fuq sieħbu Nico Rosberg imma dan tal-aħħar rebaħ it-tellieqa biex issa d-distakk bejn dawn iż-żewġ sewwieqa, li ta min jiftakar qed jiddominaw dan l-istaġun, hu dak ta’ erba’ punti. Filwaqt li Rosberg rebaħ f’Monaco Hamilton spiċċa fit-tieni post u fit-tielet post daħal is-sewwieq tar-Red Bull Daniel Ricciardo. Dan ir-riżultat kompla jikkonferma d-dominju tal-Mercedes. Il-vantaġġ li għandu Hamilton fuq Fernando Alonso tal-Ferrari fit-tielet post tal-klassifika tas-sewwieqa hu dak ta’ 57 punt filwaqt li ċ-champion renjanti Sebastian Vettel tar-Red Bull qiegħed fis-sitt post, 77 punt taħt il-lider Rosberg.
Ħarsa lejn statistika marbuta mal-Grand Prix tal-Kanada turi li Lewis Hamilton hu l-aktar sewwieq, li għadu fix-xena, li qatt rebaħ dan il-Grand Prix li jsir fiċ-ċirkwit ta’ Montreal. L-aktar sewwieq li qatt rebaħ fil-Kanada hu l-leġġendajru Michael Schumacher, b’total ta’ seba’ rebħiet. Nico Rosberg, li qed jittama li jirbaħ dan il-GP biex jibqa’ fl-ewwel post qatt ma rebaħ dan il-Grand Prix filwaqt li l-koppja tal-Ferrari, Alonso u Kimi Raikkonen rebħu dan il-Grand Prix fl-2006 u fl-2005 rispettivament. Jenson Button tal-McLaren, li s’issa kellu staġun diżappuntanti għall-aħħar rebaħ dan il-GP fis-sena 2011.
Sena ilu ċ-champion Sebastian Vettel kien kiseb il-pole position u rebaħ dan il-Grand Prix bla diffikulta` għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu. Din id-darba l-Ġermaniż se jkollu bżonn jirbaħ dan il-Grand Prix għat-tieni darba biex jikseb l-ewwel rebħa tal-istaġun, rebħa li aktar ma jgħaddu ġimgħat aktar qed tidher waħda improbabbli. Sieħbu Daniel Ricciardo qed ikollu wirjiet aħjar minn Vettel u fl-aħħar GP, dak ta’ Monaco, minn meta ingħaqad mar-Red Bull flok Mark Webber, kiseb għall-ewwel darba post fuq il-podju u dan jawgura tajjeb għalih. Ta min jiftakar li fl-ewwel GP tas-sena, dak tal-Awstralja Ricciardo kien spiċċa t-tieni imma kien ġie skwalifikat minħabba ksur ta’ regoli.
F’kummenti li ta ftit jiem qabel il-GP tal-Kanada Hamilton qal, “Ir-riżultat li kiseb it-tim f’Monaco kien wieħed mill-aqwa. Minn perspettiva personali xtaqt li kont jien li irbaħt imma sfortunatament l-affarijiet ma marrux kif xtaqt. Wara dak li ġara f’Monaco ninsab aktar għatxan biex nirbaħ fil-Kanada. Montreal hu wieħed miċ-ċirkwiti favoriti tiegħi. Fl-2007 ksibt l-ewwel rebħa fil-Formula 1 proprju fil-Kanada u barra minn hekk erġajt irbaħt darbtejn oħra. Minbarra ċ-ċirkwit il-belt hi waħda li taffaxinani kull meta mur hemm.”
Hamilton tkellem ukoll dwar it-tensjoni li kien hemm bejnu u Rosberg f’Monaco fejn il-Finlandiż għelbu kemm għall-pole position kif ukoll fit-tellieqa tal-Ħadd. Wara t-tellieqa Hamilton, fost il-frustrazzjoni kien qal li hu m’huwiex ħabib ta’ Rosberg iżda biss kollega. Id-diriġenti tal-Mercedes, matul il-ġimgħa ippruvaw kemm jista’ jkun jikkalmaw is-sitwazzjoni u jiem wara l-istess Hamilton, fuq il-profil elettroniku tiegħu stqarr li hu u Rosberg minn dejjem kienu ħbieb iżda bħal ma jiġri bejn żewġt iħbieb kultant ikun hemm mumenti ta’ nuqqas ta’ qbil.
Minn naħa tiegħu Rosberg qal, “Il-GP ta’ Monaco kien wieħed speċjali għalija. Għalkemm kienet battalja bejni u Hamilton kuntent għar-riżultati li qed niksbu jien u hu. Il-fatt li Lewis qed isuq daqstant tajjeb qiegħed fl-istes ħin iġiegħel lili nkun aktar attent u l-battalja bejnietna għandna nħarsu lejha bħala xi ħaġa pożittiva u mhux waħda li toħloq tensjoni.”
Ikkumenta wkoll iċ-champion Vettel li rebaħ sena ilu f’Montreal fejn qal, “Iċ-ċirkwit tal-Kanada hu wieħed fejn trid tkun attent ħafna u faċli taħbat. Ma tkunx sorpriża jekk għal darba oħra jerġa’ jkollna s-safety car.”
Fuq l-istess nota ta’ Vettel tkellem ukoll Alonso li qal li Montreal hu ċirkwit diffiċli. Ta min jinnota li fil-karriera tiegħu Alonso naqas milli jtemm it-tellieqa f’Montreal għal ħames darbiet. Fl-2006 kien rebaħ it-tellieqa u fl-2010 u fl-2013 spiċċa fuq il-podju. Wara l-Grand Prix tal-Kanada s-sewwieqa jerġgħu jirritornaw fl-Ewropa fejn fit-22 ta’ Ġunju jsir il-Grand Prix tal-Awstrija.