Qed ikomplu jingħataw il-ħatriet għal min hu viċin tal-Gvern Laburista. Dan hekk kif fl-aħħar sigħat spikkaw l-aħbarijiet li ħarġu dwar żewġ ħatriet eżekuttivi fil-qasam tas-Saħħa u l-Enerġija, li huma taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Konrad Mizzi. Fl-aħħar sigħat ħareġ li l-kandidat tal-Partit Laburista għall-Parlament Ewropew li ma ġiex elett Peter Cordina nħatar Chairman tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS). Barra minhekk, l-eks mara ta’ Jeffrey Pullicino Orlando, Carmen Ciantar (fiċ-ċirku fir-ritratt), inħatret Kap Eżekuttiv tal-ARMS.
Fil-każ tal-FMS, li hi entità tal-Gvern responsabbli mill-proġetti maġġuri fil-qasam tas-Saħħa, jidher li din għaddejja minn taqlib kbir wara li l-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi, malli ngħata dan il-portafoll ġdid fir-Reshuffle, biddel il-Bord tad-Diretturi inkluż liċ-Chairman, li kien ilu anqas minn sitt xhur fit-tmexxija tal-FMS. Joe Cappello, li kien inħatar Chairman f’Novembru, tneħħa mill-pożizzjoni tiegħu u minfloku tpoġġa Peter Cordina, l-eks Direttur tal-Protezzjoni Ċivili u wieħed mill-kandidati tal-Partit Laburista għall-Parlament Ewropew.
Jidher li Cappello ma rriżenjax minn jeddu, iżda kien li l-Gvern ma reġax appuntah. Jirriżulta li l-membri kollha tal-Bord inbidlu ħlief għall-eks kandidat Laburista Duncan Mifsud, li żamm postu. Il-membri l-ġodda li ġew appuntati minn Konrad Mizzi jinkludu lill-eks Kap Eżekuttiv tal-Arms Henry Attard u l-avukat Ramona Frendo, li kienet fuq wieħed mill-billboards tal-Partit Laburista qabel l-aħħar elezzjoni. Bħala Segretarju tal-Bord tal-FMS, inħatar l-eks Sindku Laburista tal-Imsida Alex Sciberras.
Jidher li l-Gvern kellu l-inkwiet ukoll mal-Kap Eżekuttiv tal-FMS, tant li Brian St John, li kien ilu CEO ħames snin, effettivament ma kellux triq oħra ħlief li jirriżenja l-ġimgħa li għaddiet wara li l-Ministru ddeċieda li jingaġġa lil ċertu James Camenzuli bħala Direttur Maniġerjali, li poġġieh f’pożizzjoni li tiġi fuq dik tal-Kap Eżekuttiv. Konsegwenza ta’ dan, St John kien se jkollu jibda jirrapporta lil Camenzuli. Camenzuli, li hu Inġinier u li l-Gvern Laburista ħatru wkoll biex imexxi l-Awtorità Maltija tar-Riżorsi (MRA), ingħata wkoll il-kariga ta’ Deputy Chairman tal-FMS. It-tluq ta’ St John qed ikun meqjus bħala telfa kbira għall-Fondazzjoni suppost awtonoma fil-qasam tas-Saħħa għax dan kien strumentali fit-twaqqif tal-FMS u kien taħt it-tmexxija tiegħu li bdew sensiela ta’ proġetti kbar f’dan is-settur importanti.
Dwar il-ħatra l-oħra, li tħabbret fl-aħħar sigħat fl-Arms, anke f’dan il-każ din l-entità taqa’ taħt ir-responsabbiltà politika tal-Ministru Konrad Mizzi. F’dan il-każ, din hi t-tieni ħatra għal Carmen Ciantar, l-eks mara ta’ Jeffrey Pullicino Orlando, wara li kienet diġà nħatret mill-Gvern Laburista fuq il-Bord ta’ Transport Malta u minbarra li qabel laħqet CEO tal-Arms kienet Chief Operating Officer tal-istess kumpanija. Issa, Ciantar se tkun inkarigata mit-tmexxija eżekuttiva tal-kumpanija li tieħu ħsieb il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. L-eks mara ta’ Pullicino Orlando dehret kemm-il darba f’attivitajiet tal-Partit Laburista u llum hi membru wkoll fil-Kumitat tal-Għaqda Nisa Laburisti.
Sadanittant, persuna oħra qrib ħafna ta’ Jeffrey Pullicino Orlando, li hu ċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) hi Lara Boffa, li wkoll ingħatat kariga mill-Gvern Laburista fil-qasam tal-enerġija. F’dan il-każ, Boffa nħatret Direttur fuq il-Bord tal-Enemalta minbarra li hi wkoll Assistenta Personali ta’ Pullicino Orlando stess fl-MCST. Anke Lara Boffa kienet dehret fuq billboard tal-Labour qabel l-elezzjoni ġenerali.
//= $special ?>

