Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) naqqas ir-rata bażi tal-imgħax għal 0.15% minn 0.25%, f’tentattiv biex jipprova jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku u jevita li tidħol id-diflazzjoni fiż-Żona Ewro.
Il-BĊE naqqas ukoll ir-rata ta’ depożiti tiegħu għal rata negattiva, li se jfisser li l-banek kummerċjali se jkollhom iħallsu biex jiddepożitaw il-flus tagħhom mal-BĊE minflok se jaqilgħu l-flus fuqhom. Il-ħsieb wara din id-deċiżjoni hu biex il-banek ikollhom inċentiv isellfu l-flus lin-negozji u dan iġib miegħu tkabbir ekonomiku.
Il-BĊE hu l-ewwel mill-akbar erba’ banek ċentrali fid-dinja li ħa din id-deċizjoni. Il-banek l-oħra, li huma magħrufa bħala l-banek il-kbar, huma r-Riserva Federali Amerikana, il-Bank tal-Ġappun u l-Bank tal-Ingilterra.
//= $special ?>