Il-Partit Laburista, il-Kummissjoni Elettorali u l-Avukat Ġenerali opponew talba magħmula mill-avukat tal-Partit Nazzjonalista Paul Borg Olivier biex xhud tal-PL stess, Frederick Azzopardi, jaħdem il-matematika dwar il-voti li ġab il-PN fl-aħħar elezzjoni ġenerali u jekk dawn kienux jirriflettu f’aktar siġġijiet li kieku Claudette Buttigieg fuq it-tmien distrett u Frederick Azzopardi fuq it-13-il distrett telgħu fuq il-mertu tagħhom.
Il-Qorti qalet li se tagħti deċiżjoni dwar dan, fis-seduta li jmiss, wara l-oppożizzjoni qawwija li saret l-aktar mill-avukat Pawlu Lia f’isem il-Partit Laburista u mill-Prof Ian Refalo f’isem il-Kummissjoni Elettorali. L-avukat Borg Olivier kien qed jagħmel il-kontro-eżami fuq xhud tal-PL, li qal li hu wieħed minn żewġ Delegati li kienu preżenti f’isem il-PL biex jissorvelja l-proċess elettorali. Hu qal li għandu esperjenza kbira fl-elezzjonijiet, fejn serva fi drabi oħra.
L-avukat Borg Olivier ta formula skont il-Liġi lix-xhud Frederick Azzopardi (tal-PL) biex dan jaħdimha u jara jekk il-matematika tagħha tagħtihx riżultat differenti li kieku kellu wieħed joqgħod fuq il-fatt li d-Deputati Nazzjonalisti Claudette Buttigieg u Frederick Azzopardi kienu jitilgħu fuq il-merti tagħhom. Ix-xhud qal li dawn huma kollha suppożizzjonijiet u wieħed ma jistax jgħid x’kien jiġri. Qal li ma setax jaħdem il-formula fl-awla tal-Qorti iżda seta’ biss jaħdimha d-dar.
Meta llum kompliet tinstema’ l-kawża li l-PN qed jagħmel kontra l-Kummissjoni Elettorali minħabba nuqqasijiet li seta’ kien hemm fuq it-tmienja u t-13-il distrett fl-aħħar elezzjoni ġenerali, b’mod partikolari l-PL permezz tal-avukat tiegħu Pawlu Lia, oppona bil-qawwa kollha biex id-Delegat Laburista Azzopardi jaħdem xi forma ta’ matematika. L-avukat Lia qal li dan kien il-kompitu tal-Kummissjoni Elettorali li tagħmlu u mhux ix-xhud tiegħu.
Ix-xhud Azzopardi qal li jiftakar li għal xi raġuni l-voti ta’ Paul Buttigieg tal-PN naqsu b’10 għax minn 676 li kellu, fl-aħħar għadd spiċċa b’666. Qal li għal tliet darbiet oħra, huma reġgħu għaddew il-voti u baqa’ jagħtihom ir-riżultat aħħari. Qal lejn l-aħħar tal-għadd, ħareġ li Justyne Caruana, li llum kellha tixhed fil-każ iżda ma setgħetx tattendi l-Qorti, kellha disa’ voti aktar minnu. Kien hawn li sar il-protest uffiċjali mill-PN, li mbagħad spiċċa wkoll il-Qorti.
Ix-xhud kompla li kien hemm problema wkoll fuq it-tmien distrett, fejn wara l-għaxar għadd ħareġ li kien hemm 50 vot ta’ Claudette Buttigieg li kienu ma’ dawk tal-kandidat tal-PN Michael Asciak. Kien f’dan l-istadju li l-avukat Borg Olivier talab lix-xhud biex jaħdimlu biċċa matematika, iżda dan beda jinsisti li hemm diversi formulas u semma li kien hemm darba każ dwar il-Kunsill Lokali tal-Furjana li minabba frazzjoni ta’ persentaġġ tela’ kandidat minflok ieħor.
Min-naħa tiegħu, il-Prof Refalo staqsa lix-xhud, li qallu li jkun hemm każ fejn il-persentaġġi tal-voti tal-eletturi mqabbla mas-siġġijiet ma jkunx jirrifletti eżatt il-voti. Bħala eempju, qal li partit li jkollu 60% tal-voti u l-ieħor ikollu 40%, is-siġġijiet jispiċċaw 59% kontra 41%. Il-Prof Refalo qal li hu ma kienx qed jiddubita mill-formula li għandu l-avukat Borg Olivier u lanqas ried idaħħal xi dubji. L-avukat tal-PN talab lill-Prof Refalo biex jivverbalizza b’dan il-mod, iżda hu m’għamilx. Kien l-Avukat tal-PL li għamel verbal, fejn qal li x-xhud m’għandu jaħdem l-ebda formula.
L-avukat Borg Olivier għamel verbal differenti, fejn talab lix-xhud jaħdem il-matematika u qal li s-suppożizzjonijiet kollha li qed isemmu l-PL u l-Kummissjoni Elettorali huma fatti, bħal ma huma fatti l-50 vot ta’ Claudette Buttigieg. Ma’ Borg Olivier, għall-PN qed tidher ukoll l-avukat Therese Comodini Cachia. Il-każ se jkompli fit-22 ta’ Ġunju li ġej.
//= $special ?>

