Ambjent Lokali

Il-PN iġedded l-impenn tiegħu favur politika ambjentali b’saħħitha

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ambjent, imfakkar ta’ kull sena fil-5 ta’ Ġunju, il-Partit Nazzjonalista tenna l-impenn tiegħu li jaħdem u jikkontribwixxi, anke mill-Oppożizzjoni, biex l-ambjent f’pajjiżna jingħata l-aqwa protezzjoni possibbli. Kien għalhekk li f’dawn l-aħħar xhur, il-PN regolarment ta proposti konkreti permezz tal-esponenti tiegħu, fost oħrajn f’diskussjonijiet dwar l-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna, ir-reviżjoni ta’ diversi policies li għandhom impatt fuq l-ambjent, fosthom il-policy dwar l-ODZ, it-theddida ambjentali bil-ħażna tal-gass fil-Port ta’ Marsaxlokk, kif ukoll is-separazzjoni tal-MEPA f’żewġ entitajiet distinti.

Fi stqarrija f’isem il-Kelliem għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u l-Bidla fil-Klima Charlò Bonnici, il-PN qal li l-intenzjoni tal-Partit hi li jibqa’ viġilanti fuq il-Gvern f’dan il-qasam għax l-ewwel xhur ta’ din l-amministrazzjoni wrew biċ-ċar li minkejja l-ħafna kliem fieragħ, l-ambjent mhux prijorità għal dan il-Gvern. Tant hu hekk li anke l-ambjentalisti ħassew il-ħtieġa li joħorġu fit-toroq u jipprotestaw kontra t-theddida ambjentali li qed jaraw quddiemhom. Hi sfortuna li dan il-Gvern biegħ il-protezzjoni tal-ambjent ta’ pajjiżna għall-voti u biex ikabbar il-ħakma tiegħu fuq il-poter.

Il-PN qal li x-xhur li ġejjin se jkunu kruċjali f’dan ir-rigward, l-aktar meta fil-Parlament tiġi għad-diskussjoni l-Liġi li se tkun qed twaqqaf l-istrutturi ġodda li se jieħdu post il-MEPA. Anke hemm, l-Oppożizzjoni se tagħmel kritika kostruttiva u ġusta, iżda wkoll soda, għax temmen li deċiżjoni ħażina tista’ twassal għal rovina ambjentali li teffettwa ġenerazzjonijiet sħaħ. Min-naħa l-oħra, f’oqsma oħra li mhux kontroversjali u li dwarhom ma jeżistux diverġenzi politiċi kbar f’pajjiżna, il-PN wiegħed li beħsiebu jkompli jsegwi u jikkontribwixxi wkoll. Ewlieni fost dawn l-oqsma hemm il-bidla fil-klima u l-konsegwenzi li din qed iġġib magħha madwar id-dinja.

Il-PN sostna li f’dan ir-rigward qed iħares ukoll b’ċerta fiduċja lejn il-proċess internazzjonali li bħalissa wasal fi stadju kruċjali, li għalkemm forsi mhux dejjem mexa bir-ritmu mixtieq, għandu jkun hemm fiduċja li bl-impenn ta’ kulħadd naslu għal għan li jkollna ftehim internazzjonali sa tmiem l-2015. Minħabba li Malta għandha vulnerabbiltajiet partikolari, qal il-PN, jeħtieġ li l-pajjiż ikollu viżjoni fit-tul dwar kif nistgħu nevitaw ħsara rreparabbli mill-klima. Malta għandha taħdem biex tkun l-eżempju għal pajjiżi oħrajn ta’ kif l-adattazzjoni għal bidliet fil-klima, l-ekonomija l-ħadra, l-iżvilupp sostenibbli u l-ħarsien tal-ambjent u l-bijodiversità tista’ sseħħ b’mod integrat. Dan kollu jseħħ f’ambitu ta’ żvilupp low carbon u f’soċjetà dejjem anqas dipendenti fuq fuels fossili.

Il-PN fakkar li pajjiżna għandu żewġ strateġiji, waħda dwar il-mitigazzjoni u l-oħra dwar l-adattazzjoni kontra l-bidla fil-klima, li l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni kien ivvota favurihom. Għaldaqstant, appella biex issa l-Gvern iżomm lill-poplu nfurmat dwar l-implimentazzjoni f’forma ta’ diversi inizjattivi li suppost qed jitwettqu bħalissa. Il-PN sellem ukoll lil dawk kollha li jaħdmu f’dan il-qasam, partikolarment lill-għaqdiet ambjentali mhux governattivi, li b’mod volontarju qed jiddedikaw ħinhom biex jipproteġu l-ambjent għall-ġid tagħna u anke ta’ wliedna u wlied uliedna.