Kultura Lokali Mużika

Illejla: Kunċert live mill-Pinto Brass Band biex jitfakkru żewġ anniversarji mportanti għas-Soċjetà

Il-Brass Band fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan illejla se tesegwixxi programm ta’ mużika live quddiem is-sede tas-Soċjetà f’Ħal Qormi, fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mit-twaqqif tal-istess Brass Band u tal-152 anniversarju mit-twaqqif tas-Soċjetà Filarmonika Pinto.

Għal din l-okkażjoni, il-Kumitat tas-Soċjetà flimkien mas-Surmast Direttur Mro Dominic Darmanin, li kien il-moħħ wara t-twaqqif tal-Brass Band, ħejjew programm mużikali speċjali biex jiċċelebra dawn iż-żewġ anniversarji hekk importanti għas-Soċjetà. Il-programm mużikali se jinkludi fih mużika ta’ kull ġeneru: antika, Taljana, Maltija u ma tonqosx mużika moderna, li żgur ser tkun qed tpaxxi lill-pubbliku li se jattendi għal din l-okkazjoni. Ma tonqosx ukoll mużika relatata mat-Tazza tad-Dinja.

Mal-Brass Band se jingħaqdu wkoll kantanti rinomatli, fosthom Ludwig Galea, l-aħwa Mikaela u Yorika Attard, ir-rebbieħa tal-ħames edizzjoni tal-konkors Destiny Chukunyere u oħrajn. Id-dħul għall-programm mużikali, li se jibda fit-8.15pm, hu mingħajr ħlas, filwaqt li s-serata se tiġi ppreżentata mill-preżentatur ta’ TVM Sergio Mallia.