Lokali

“Ir-riserva tad-demm mhix sodisfaċenti”

“Mingħajr ma nallarmaw in-nies, irridu nwasslu l-messaġġ li r-riserva tad-demm bħalissa mhix sodisfaċenti”. Dan sostnih l-infermier Tony Micallef f’kummenti waqt il-programm .net fuq Net TV.

Micallef qal li hemm bżonn issir kampanja aktar agressiva biex in-nies jirrealizzaw kemm huma importanti d-donazzjonijiet tad-demm. Partikolarment għall-kazi għal dawk li jinsabu fis-Sala Rainbow tal-Isptar Mater Dei.

“Hemm bżonn kampanja li tkun aktar diretta u agressiva. Il-media qed tgħina ħafna, iżda dan mhux biżejjed”, sostna Tony Micallef. “Nemmen ukoll li hemm bżonn nagħmlu kampanja anke man-nies li jkunu qrib il-pazjenti u l-qraba tagħhom fl-Isptar”.

Tony Micallef kien mistieden f’.net biex jitkellem dwar Jum id-Donaturi tad-Demm li se jitfakkar il-ġimgħa d-dieħla. Fil-fatt, fl-14 ta’ Ġunju se ssir attivita’ għal min irid jagħti d-demm fil-pjazza ta’ quddiem l-Isptar San Luqa.