Lokali

Issir l-ewwel edizzjoni tas-Shine Awards

Il-kumpannija Vassallo Group of Companies ilbieraħ organizzat għall-ewwel darba l-ewwel Corporate Awards Night, meta ħabat it-68 anniversarju tal-Grupp. Imsejħa “The Shine Awards“, din l-okkażjoni serviet bħala opportunità biex jiġu ppremjati diversi mpjegati tal-kumpanija għall-impenn tagħhom fil-post tax-xogħol.

Matul din l-okkażjoni, organizzata fis-sala tal-konferenzi The Diamond, tqassmu premijiet għal eċċellenza fil-customer care, fl-inizjattivi ambjentali, fid-dehra, fis-saħħa u s-sigurtà, fl-immaniġġjar ta’ proġetti u fis-superviżjoni. Premju ieħor ingħata lill-ewwel impjegat li l-idea tiegħu ġiet magħżula taħt l-iskema “Ideat”, li hi skema ta’ suġġerimenti mill-impjegati u li ġiet pilotata matul din is-sena f’Caremalta, waħda mill-kumpanniji tal-Grupp.

Total ta’ 161 impjegat li laħqu tappi notevoli fil-karrieri tagħhom mal-Grupp ġew ukoll ippremjati matul is-serata. Ġew ippremjati wkoll impjegati għal snin ta’ servizz li jvarjaw minn 5 sa 40 sena, filwaqt li ngħataw ukoll rikonoxximent u tifkira dawk l-impjegati ta’ Vassallo Builders li rtiraw mix-xogħol riċentament. Premijiet oħrajn ingħataw għal diversi aspetti operattivi tal-Grupp, fosthom għall-implimentazjoni ta’ prattika tar-riċiklaġġ, użu mill-ġdid u tnaqqis tal-ħela, kollezzjoni ta’ dejn, piecework take up u mmaniġġjar ta’ slow moving stock.

F’din l-okkażjoni, il-Grupp ta għarfien xieraq lill-impjegat Carmel Camilleri u l-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija sussidjarja CGY Ltd George Cutajar, li t-tnejn mietu riċentament. In-nisa tagħhom, Ursola Camilleri u Rowena Cutajar ingħataw għajnuna finanzjarja permezz tal-Fondazzjoni Arkati, li hu l-Welfare Fund għall-impjegati tal-Grupp u l-familji tagħhom. Ingħatat ukoll għajnuna finanzjarja lil Charles Montefort, li kien korra fil-post tax-xogħol ftit tas-snin ilu.

F’diskors tal-okkażjoni, iċ-Chairman tal-Grupp Nazzareno Vassalo faħħar il-ħaddiema li jaħdmu mal-Grupp għas-sehem tagħhom fis-suċċess miksub minn Vassallo Group u l-kumpanniji tiegħu matul is-snin. Filwaqt li ddeskriva l-istess ħaddiema bħala “id-djamant fil-kuruna tagħna”, Vassallo uża l-okkażjoni biex iħabbar it-twaqqif ta’ Programm għall-Assistenza għall-Impjegati fil-Grupp u l-familji tagħhom. In-numru ta’ mpjegati f’Vassallo Group ilaħħqu madwar 1,400.

Nazzareno Vassallo ħabbar l-isem tar-rebbieħ taċ-Chairman’s Award għall-2014, Robet Von Brockdorff, li ilu jservi snin twal bħala membru fuq il-Bord tad-Diretturi ta’ Caremalta. Is-serata ġiet fi tmiemha b’riċeviment imħejji minn Catermax, kumpannija oħra fi ħdan il-Grupp.