L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Skolastiċi tal-Knisja se tippreżenta ittra lill-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data li permezz taghha turi t-thassib tagħha u tal-ġenituri għall-Avviż Legali li jagħti poter lill-Ministru tal-Edukazzjoni jakkwista informazzjoni sensittiva fuq it-tfal. Din l-ittra se tkun iffirmata wkoll mill-ġenituri li huma mħassba bil-konsegwenzi ta’ dan l-avviż legali.
Dan ħareġ waqt laqgħa organizzata mill-istess assoċjazzjoni fejn ħareġ biċ-ċar it-tħassib li dan l-avviż legali qajjem fost il-ġenituri kif ukoll diversi entitajiet li jaħdmu mat-tfal u żgħażagħ ta’ kull eta’ fil-qasam edukattiv għandhom.
Matul il-laqgħa, l-avukat Nickie Vella de Fremeaux qalet li minkejja li nħarġet press release mill-Ministeru li fiha tħabbret li din il-liġi ġiet sospiża, din ma tfisser xejn għaliex liġi jew teżisti jew le u ma tistax tiġi sospiża bi press release imma trid tgħaddi minn proċess ta’ Parlament.
Qalet li dan l-Avviż Legali hu vag ħafna, hu preokkupanti li persuna waħda, jiġifieri l-Ministru, jkollu dan il-poter kollu. Hi rreferiet għad-Data Protection Act u qalet li data ma tistax tintuża la favur u lanqas kontra xi studenti u għalhekk m’hemm l-ebda raġuni valida li tiġġustifika li din id-data tintuża għal skop ta’ riċerka.
Sister Joanna Gatt, President tal-Private Schools Association, fakkret kif il-Kapijiet tal-Iskejjel tal-Knisja diġa’ kitbu ittra fejn urew it-tħassib tagħhom. Qalet li minkejja li bijoloġikament it-tfal mhux ulied il-kapijiet tal-iskejjel, huma jinsabu mħassba li jkollhom jgħaddu din l-informazzjoni, inkluż informazzjoni strettament kunfidenzjali, mingħajr il-pertmess tal-ġenituri. Fakkret kif fi skola, lanqas għalliema li ma jkolliex xtaqsam ma studenti partikolari ma tista’ taċċessa din l-informazzjoni.
Fakkret ukoll kif għal kull ħaġa, żgħira kemm hi żgħira, li l-iskola tkun se torganizza u li tkun se tidher fuq il-media jew online, l-għalliema jkollhom jitolbu permess mingħand il-ġenituri. Lanqas psikologi jew councillors ma jistgħu tkellem lit-tfal bla permess.
Martin Musumeci, membru tal-Assoċjazzjoni, qal li dan l-avviż legali mill-ewwel inkwieta lill-ġenituri. Hu semma numru ta’ punti inkwetanti fosthom il-mistoqsija dwar x’inhi riċerka jew le u fakkar li din tista’ ssir minn kwalunkwe istituzzjoni anke jekk mhix formali, Qal ukoll li m’hemmx għażla li wieħed jirrifjuta li jgħaddi din l-informazzjoni, il-ġenituri ma jkunux jafu dak li ġie mitlub, u jekk xi ħadd jirrifjuta, dan jittieħed il-Qorti.
Fi tmiem il-laqgħa, il-ġenituri preżenti wkoll kellhom iċ-ċans iwasslu t-tħassib tagħhom dwar dan l-Avviż legali fejn semmew ukoll il-periklu li d-data tkun pubblikata u tkellmu mal-Assoċjazzjoni dwar x’azzjoni se tkun qed tittieħed.
//= $special ?>