Sport Waterpolo

Jingħata bidu għall-Kampjonat tas-Sajf

Illum fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq jingħata bidu għall-Kampjonat tas-Sajf. Din is-sena l-kampjonat ser jintlagħab fuq format differenti, meta l-għaxar timijiet ser jinqasmu f’żewġ gruppi u l-ewwel tliet timijiet minn kull grupp jilagħbu fil-Kampjonat Premier filwaqt li l-erba’ timijiet l-oħrajn jilagħbu fl-Ewwel Diviżjoni.

Fl-ewwel partita ċ-Champions Neptunes Grimaldi jibdew id-difiża tat-titlu fi Grupp A kontra Marsascala MOR€. Bla dubju wara r-rebħ tat-Tazza tal-President, Neptunes ser ikollhom il-moral għoli u żgur li ser jibdew favoriti f’din il-logħba. Il-President ta’ Neptunes Matthew Bonello qal li l-għan tal-klabb bħal dejjem hu li jirbħu l-kampjonat u din is-sena partikolarment ser jippruvaw jirbħuh għall-ħames darba konsekuttiva biex b’hekk iwaqqfu rekord fil-waterpolo lokali. Minn naħa tagħhom Marsascala, wara t-telfa kontra Valletta t-Tlieta li għadda, huma konxji mill-fatt li ser ikollhom partita diffiċli iżda ser jippruvaw joffru sfida denja.

Fit-tieni partita Valletta McDonalds, wara r-rebħ tat-Tazza Għaqda Ġurnalisti ser jibdew l-ewwel logħba tal-grupp bħala favoriti kontra Ta’ Xbiex Amigos. Fi kliem il-membru tal-kumitat Charles Portelli, l-għan tal-Beltin hu li jistabilixxu posthom fil-Premier għaliex ilhom diversi snin neqsin mill-ogħla diviżjoni. Portelli qal li iżda ma jridux jaraw u jridu jkunu dixxiplinati fil-logħob.

Is-Sibt San Ġiljan Allcare Insurance jibdew favoriti fl-ewwel logħba minn Grupp B kontra Otters Nivea. Wara l-kampjonat tas-sena l-oħra l-għan tal-Ġiljaniżi hu li jerġgħu jisfidaw għall-unuri u fi kliem is-Segretarju John Xerri de Caro l-għan ta’ San Ġiljan hu li jkomplu minn fejn ħallew is-sena l-oħra, jiġu mal-ewwel tlieta. Bħala barranin huma ser ikollhom żewġ barranin ġodda li huma l-montengrin Aleksander Radovic u l-kroat Zeljko Kovacic. Minn naħa tagħhom it-tim Għawdxi ta’ Otters ser jerġa’ jkollhom lill-barranin Vukasinovic u r-Rumen Andrei Edwardu ser jkunu taħt it-tmexxija tal-veteran Alfred Cachia.

Fit-tieni logħba Exiles Ferretti jittamaw li jibdew fuq nota pożittiva meta jilagħbu kontra Marsaxlokk Fischer. Exiles għal dan l-istaġun ser ikollhom lit-Taljan Maurizio Mirarchi bħala kowċ filwaqt li ser ikollhom żewġ barranin ġodda l-montenegrin Luka Sekulic u l-Ungeriż Gergo Katonas. Minn naħa tagħhom dan ser ikun it-tieni kampjonat għal Marsaxlokk wara r-ritorn tagħhom fil-kampjonat lokali. It-tim inbidel drastikament mis-sena l-oħra u ser ikunu taħt it-tmexxija tal-ex Neptunes Ian Azzopardi. Huma akkwistaw diversi żagħżagħ flimkien mal-veteran Anthony Galea. Bħala barranin ser ikollhom l-Ungeriżi Frikk eks-Sliema u żagħżugħ promettenti Fulop Bence. L-għan tax-Xlukkajri fi kliem Timmy Camilleri ser ikun li jżommu l-pożizzjoni tagħhom fil-kampjonat tax-Xitwa.

Il-Programm
Għada
8.45 – Grupp A: Neptunes Grimaldi vs Marsascala MOR€
20.00 – Grupp A: Valletta McDonalds vs Ta’ Xbiex Amigos
Għada
8.15 – Grupp B: San Ġiljan Allcare Insurance vs Otters Nivea
19.30 – Grupp B: Exiles Ferretti vs Marsaxlokk Fischer