Minkejja żewġ draws konsekuttivi, il-kowċ nazzjonali tal-Italja Cesare Prandelli qal li t-tim tiegħu kapaċi jmur tajjeb ħafna fit-Tazza tad-Dinja li tibda fit-12 ta’ Ġunju li ġej. Prandelli qal dan wara li l-Italja ġiet miżmuma draw 1-1 f’Perugia kontra l-Iżvizzera. It-Taljani marru kmieni fil-vantaġġ b’gowl ta’ Marchisio imma fl-aħħar erba’ minuti l-Lussemburgu ġabu d-draw.
“Din il-logħba ma kinitx falliment. Ippruvajna diversi affarijiet li tkellimna dwarhom fit-taħriġ. Nafu li rridu nitjiebu u nafu li l-logħob tagħna mhux qed ikun wieħed brillanti,” qal Prandelli. Minbarra d-draw kontra l-Iżvizzera, ftit jiem qabel l-Italja ġiet draw kontra l-Irlanda.
“Qed naħdmu ħafna u nemmen li fit-Tazza tad-Dinja kapaċi mmoru tajjeb ħafna,” kompla jgħid l-eks kowċ ta’ Fiorentina. Mistoqsi dwar x’jaħseb fuq il-mod li bih inbidlet il-logħbba la darba Cassano daħal jilgħab flimkien ma’ Balotelli fl-attakk Prandelli qal, “Balotelli kellu żewġ ċansijiet ċari ta’ skor fl-ewwel taqsima imma hu evidenti l-fatt li kif daħal Cassano, Balotelli mar aħjar.”
Prandelli tkellem ukoll dwar il-midfielder Montolivo li se jitlef it-Tazza tad-Dinja wara li weġġa’ kontra l-Irlanda. “Hi ħaġa ovvja li player li ilu jaħdem magħna tul dawn l-aħħar snin se nħossuh imma issa rridu nsibu lil xi ħadd li kapaċi jimla dak il-vojt. Candreva diġ’a qed juri li kapaċi jagħmel dan,” temm jgħid Prandelli.
Dwar id-draw tal-Italja tkellem ukoll l-eks kowċ nazzjonali Marcello Lippi li qal li l-partitarji m’għandhomx għalfejn jinkwetaw għax skont hu l-partiti ta’ ħbiberija qabel turnament maġġuri ‘ma jfissru xejn’. “Dawn il-partiti huma tajbin biss biex il-players jiksbu l-kundizzjoni tajba għal logħob. Ta min jiftakar li fl-2006, qabel ma irbaħna it-Tazza tad-Dinja konna lagħbna logħba ta’ ħbiberija kontra l-Ukrajna u ġejna draw 0-0,” qal Lippi.
Impressjonat bil-wirja
Roy Hodgson, kowċ nazzjonali tal-Ingilterra kien impressjonat bil-wirja tal-players tiegħu fid-draw ta’ 2-2 kontra l-Ekwador. L-Ingliżi marru minn taħt imma wettqu reazzjoni u skurjaw darbtejn sakemm ma l-Ekwador reġgħu ġabu d-draw. Iż-żewġ timijiet spiċċaw jilagħbu b’10 meta tkeċċew Sterling tal-Ingilterra u Valencia tal-Ekwador.
“Lgħabna bi skwadra ta’ players żgħar u bi 11-il player kważi kompletament differenti minn dawk li affrtonaw lill-Peru1 ftit jiem qabel. Kien hemm mumenti fejn urejna futbol mill-aqwa. ħadna draw kontra tim qawwi,” qal Hodgson.
Intant, il-midfielder Alex Oxlade-Chamberlain jista’ jitlef it-Tazza tad-Dinja wara li weġġa’ l-irkoppa fit-63 minuta tal-partita kontra l-Ekwador. F’kummenti li ta Hodgson ikkonferma li hu ferm inkwetat bl-injury tal-player ta’ Arsenal.
L-attakkant Ingliż Wayne Rooney qal li lest jilgħab f’kull pożizzjoni biex ikun ta’ għajnuna lit-tim. Kontra l-Ekwador Rooney lagħab fuq il-linja tax-xellug. “Ma’ pajjiżi lest nilgħab fejn ikun, l-aqwa hu li nkun importanti għat-tim,” qal Rooney.
L-aħħar logħba li tilgħab l-Ingilterra qabel tibda l-impenji tagħha fit-Tazza tad-Dinja se tkun ta’ għada kontra l-Honduras.
L-Ingliżi jipprattikaw l-għoti tal-penalties
Il-captain tat-tim nazzjonali Ingliż Steven Gerrard qal li fl-aħħar ġimgħat il-players ħadmu ħafna fuq il-penalties, madankollu insista li huma bl-ebda mod ma’ jinsabu taħt pressjoni minħabba fihom.
L-Ingilterra għandha l-agħar rekord fl-għoti tal-penalties fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja, bi tliet eliminazzjonijiet f’din il-lotterija fi tliet tentattivi.
Sitta milll-aħħar 10 tournaments maġġuri spiċċaw b’telfiet għall-Ingilterra bl-għoti tal-penalties.
Gerrard qal li filwaqt li jifhem il-frustrazzjoni tas-segwaċi tat-tim nazzjonali, jemmen li wara kollox f’din l-edizzjoni fil-Brażil, il-penalties jistgħu ma jkunux meħtieġa.
Gerrard qal li hu jittama li t-tim jilgħab tajjeb biżżejjed tul id-90 jew 120 minuta biex jevita din il-lotterija fatali u ta’ qsim il-qalb, madankollu fl-eventwalita li tiġi, din id-darba t-tim se jkun iktar preparat għaliha mis-soltu.
Van Persie jiċħad l-ispekulazzjonijiet
L-attakkant Olandiż Robin Van Persie ċaħad l-ispekulazzjonijiet li se jitlef l-ewwel logħba tat-Tazza tad-Dinja wara li ġie mibdul fi tmiem l-ewwel taqsima fil-logħba mirbuħa 2-0 kontra Wales. L-attakkant ta’ Man Utd ġie mibdul bħala prekawzjoni minħabba li ħass ftit ta’ uġiegħ fil-groin. Ta min jiftakar li fl-istaġun li għadda Van Persie dam madwar sitt ġimgħat barra mill-azzjoni minħabba injury fl-irkoppa.
“Mhux se ngħid li jien imweġġa’. ħassejt ftit ta’ uġiegħ hekk kif beda jgħaddi l-ħin u kien aħjar li ma nkomplix nilgħab. Nittama u nemmen li se nkun disponibbli għall-ewwel logħba tal-fażi tal-gruppi kontra Spanja,” qal l-eks player ta’ Arsenal. L-Olanda tilgħab kontra Spanja fit-13 ta’ Ġunju.
Minn naħa tiegħu l-kowċ Van Gaal ikkonferma din l-injury ħafifa u qal li kien Van Persie stess li talab li jkun mibdul fi tmiem l-ewwel taqsima.
//= $special ?>
