Lokali Qorti

L-Imħallef Lino Farrugia Sacco ma kellux id-drittijiet tiegħu dwar smiegħ xieraq miksura

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili Sede Kostituzzjonali, ippreseduta mill-Imħallef Lorraine Schembri Orland, iddikjarat li d-drittijiet umani u dritt ta’ smiegħ xieraq fil-konfront tal-Imħallef Lino Farrugia Sacco bl-ebda mod ma ġew mittiefsa. Is-sentenza tal-Qorti tgħid ukoll li ma kien hemm l-ebda ksur meta l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja għamlet ir-rapport tagħha fuq it-tieni Mozzjoni ta’ impeachment li sar fil-Parlament. Il-Qorti Kostituzzjonali qalet ukoll li lanqas ma kien hemm l-ebda dritt mittiefes fil-konfront tal-Konvenzjoni Ewropea fuq id-Drittijiet Umani.

L-Imħallef Farrugia Sacco kien ressaq il-każ tiegħu kontra l-Prim Ministru, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja wara li kienet tressqet it-tieni Mozzjoni ta’ Impeachment kontrih fil-Parlament, meta l-iSpeaker Anġlu Farrugia kien ta Ruling li ddikjara li l-ewwel wieħed kien mejjet minħabba t-tibdil fil-leġislatura. Farrugia Sacco kien qed isostni dan għax il-Kummissjoni għall-Amminstrazzjoni tal-Ġustizzja kellha terġa’ ssejjaħlu biex tisma x’kellu xi jgħid meta tressqet it-tieni Mozzjoni fil-konfront tiegħu. Qal ukoll li lanqas tagħtu ċ-ċans iressaq xhieda mportanti qabel ma ħareġ it-tieni rapport. Hu lmenta wkoll li l-każ tiegħu ġie preġudikat b’kummenti li għadda dwaru l-Kap tal-Oppożizjoni Simon Busuttil.

Il-Kummissjoni kienet qalet li l-pożizzjoni tagħha ma nbidlitx, jiġifieri li kien hemm provi prima facie dwar il-komportament ħażin ta’ Farrugia Sacco, li baqa’ jagħmilha ta’ President tal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) anke jekk wara kien iddeċieda li ma jikkontestax. Fost affarijiet oħra, is-sentenza tgħid li “l-Ġudikanti għandhom kull dritt jamministraw ħwejjiġhom bl-aħjar mod possibbli għalihom. Madankollu, m’għandhom jeżerċitaw ebda attività li min-natura tagħha hi inkompatibbli mal-Uffiċċju tagħhom.

“Il-Ġudikanti ma jista’ jkollhom ebda kariga jew pożizzjoni, anke jekk temporanjament jew volontarja jew onorarja, u lanqas jistgħu jwettqu xi attività li fil-fehma tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja tista’ tikkomprometti jew tippreġudika l-pożizzjoni tagħhom jew id-doveri jew il-funzjonijiet tagħhom.”

Ingħad ukoll li l-Prim Imħallef għandu jirrakkomanda għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja linji gwida għall-Ġudikanti bl-iskop li jiċċaraw kif ir-regoli f’din il-Kodiċi jew xi wħud minnhom, jistgħu japplikaw għall-każijiet konkreti u biex tiġi assigurata, sa fejn hu possibbli, uniformità fl-implimentazzjoni tar-regoli.

Fix-xhieda tiegħu, Farrugia Sacco qal li fiż-żmien li kien ġie maħtur Maġistrat u wara Mħallef ma kienx jeżisti l-Kodiċi tal-Etika, minkejja li l-Kummissjoni kienet teżisti meta sar Imħallef. Dwar il-kariga li kien jokkupa fil-KOM, qal li fl-1987 kien membru, sena wara kien Viċi President Anzjan, Chairman fl-1996 u President bejn l-1999 u April 2013, fejn sostna li l-kariga tiegħu kienet waħda volontarja.

Dwar dan, il-Qorti qalet li l-ewwel ittra mibgħuta lill-Imħallef Farrugia Sacco mill-Kummissjoni kienet il-bażi tal-indaġini tal-Kummissjoni li wasslet għall-ittra tal-2007. Skont din l-ittra, il-Kummissjoni ma kinitx qed timpedixxi s-sħubija tiegħu f’soċjeta sportiva bħala membru iżda ġibditlu l-attenzjoni għall-inkompatibbiltà bejn ir-rwol tiegħu ta’ Ġudikant u l-kariga li kien qed jokkupa. Mill-provi rriżulta li Farrugia Sacco esebixxa diversi ritratti li juruh akkumpanjat minn rappreżentanmti tal-Gvern, fejn qal li dawn kienu jitolbuh jorganizza attivitajiet f’Malta minħabba l-kariga li jokkupa fil-KOM.

Il-Qorti qalet li dan kollu jsaħħaħ it-teżi li Ġudikant m’għandux jokkupa kariga eżekuttiva f’assoċjazzjoni, anke fuq bażi volontarja, għax iġib fid-dubju l-integrità u d-dinjità tiegħu ta’ Ġudikant, kif ukoll l-awtonomija mill-indħil ta’ kull ċittadin li għandu dritt u jitlob mingħandu. “Kif jista’ ċittadin iserraħ moħħu jekk fil-kawża tiegħu Ġudikant ta’ sikwit iħabbatha fil-ħajja privata u kważi pubblika tiegħu ma’ rappreżentati tal-Gvern u saħansitra minħabba l-kariga eżekuttiva tiegħu f’assoċjazzjoni, jiddependi mill-barka tal-Gvern għall-isponsorships. Dan jgħodd ukoll għall-iffinanzjar mis-settur privat.