Futbol Sport

Magażin ma’ Il-Mument li jakkumpanjak matul it-Tazza tad-Dinja

Kulma jmur qed toqrob il-ġurnata tal-ftuħ tat-Tazza tad-Dinja 2014, li tibda bħal-lum ġimgħa fil-Brażil bil-partita tal-ftuħ bejn l-organizzaturi l-Brażil u l-Kroazja. Fl-okkażjoni ta’ din l-aktar kompetizzjoni mportanti tal-futbol li ssir fid-dinja, il-Ħadd li ġej il-gazzetta Il-Mument se jkun qed tinkludi l-magażin dwar it-Tazza tad-Dinja.

F’dan il-magażin ta’ 40 paġna, kollha bil-kulur, minbarra ritratti tat-timijiet kollha u ta’ plejer partikolari minn kull tim, wieħed se jsib ukoll informazzjoni qasira dwar it-32 tim finalist, kif waslu sal-fażi finali, tagħrif dwar it-12-il stadium li se jkunu qed jintlagħbu fihom il-partiti, kif ukoll programm dettaljat tal-64 partita sal-Finali tat-12 ta’ Lulju, bil-ħinijiet kollha ta’ Malta. Hemm ukoll fejn wieħed jista’ jżomm ruħu aġġornat u jikteb ir-riżultati kollha.

Il-magażin se jinkludi wkoll statistika qasira iżda nteressanti tal-Finali kollha fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja. L-informazzjoni hi miġbura minn Chris Muscat u l-magażin gie disinjat minn Matthew Calleja. Jikkumplimenta ma’ dawn, ta’ kuljum il-ġurnal In-Nazzjon se jinkludi aġġornamenti dwar il-partiti tal-ġurnata ta’ qabel, kif ukoll servizzi speċjali fuq NET Television u MaltaRightNow.com.