Internazzjonali

Sirja: Kif mistenni, Assad jirbaħ l-elezzjoni presidenzjali

Kif kien mistenni irriżultat rebħa kbira għall-President Sirjan Bashar al-Assad, hekk kif kiseb 88.7% tal-voti fl-elezzjoni presidenzjali tat-Tlieta li għadda, li kienet deskritta bħala farsa. Iż-żewġ kandidati l-oħra, Hassan al-Nuri u Maher al-Hajjar rebħu 4.3% u 3.2% tal-voti rispettivament.

Sadanittant, tliet persuni nqatlu u għexieren oħra ndarbu meta sostenituri ta’ Assad sparaw fl-ajru biex jiċċelebraw. Dan wara li mijiet ta’ eluf inqatlu u miljuni oħra kellhom jaħarbu minn djarhom fi gwerra ċivili li ilha għaddejja għal aktar minn tliet snin.

Il-votazzjoni saret biss fit-territorju kkontrollat mill-Gvern Sirjan, jiġifieri madwar 40% tal-pajjiż, b’osservaturi internazzjonali mill-Korea ta’ Fuq, l-Iran, ir-Russja u ż-Żimbabwe.