Lokali

Tabloid Ingliż jippubblika ritratti tal-Mexxej tal-UKIP f’Malta ma’ mara oħra

Iż-żjara tal-Mexxej tal-UK Independence Party (UKIP) Nigel Farage f’Malta qanqlet ferment fir-Renju Unit, hekk kif il-gazzetta Ingliża Daily Mirror ippubblikat ritratti esklussivi u allegat li Farage, li hu miżżewweġ, qatta’ lejl ta’ divertiment ma’ mara oħra f’bar fit-Torri ta’ Portomaso. Farage jinsab Malta biex jindirizza konferenza internazzjonali dwar it-turiżmu. Fl-aħħar 24 siegħa, it-tabloid Daily Mirror ippubblikat ritratti ta’ Farage ma’ ċerta Ande Soteri, li hi waħda mill-organizzaturi tal-konferenza.

Daily Mirror tirrapporta li Farage kien fil-bar tal-lukanda Hilton sas-2am tal-Erbgħa u wara rħielha lejn il-penthouse bar fit-Torri ta’ Portomaso u għall-ħabta tal-3.45am deher ħiereġ mit-Torri ta’ Portomaso lejn il-lukanda, id f’id ma’ Soteri u jżommilha l-handbag minħabba li Soteri kellha l-krozzi. Ikkonfrontat direttament, Nigel Farage ċaħad li kellu x’jaqsam ma’ Soteri u kien biss qed jgħinha għax kellha diffikultà biex timxi. Min-naħa tagħha, Mart Farage, Kristen, irrifjutat li tikkumenta meta kienet murija dawn ir-ritratti.

Din mhix l-ewwel darba li l-Kap tal-Ewroxettiċi Ingliżi Nigel Farage kien fiċ-ċentru ta’ kontroversja minħabba d-dikjarazzjonijiet politiċi tiegħu. Hu kellu jiffaċċja mistoqsijiet dwar l-impjieg ta’ martu fl-uffiċċju tiegħu mħallsa minn fondi pubbliċi, kif ukoll li kellu relazzjoni intima ma’ assistenta personali tiegħu. Il-UKIP, li jmexxi Farage, għadu kif rebaħ il-maġġoranza fir-Renju Unit fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew.

Sadanittant, fl-indirizz tiegħu lill-konferenza f’Malta organizzata mill-MTA u minn istitut tat-turiżmu fir-Renju Unit, Farage wiegħed li mhux se jistrieħ qabel jeqred l-Unjoni Ewropea, li ddeskrivieha bħala mostru. Sostna wkoll li Malta tkun aħjar barra mill-UE, li ma jara l-ebda benefiċċji għal Malta fl-UE, li l-appoġġ tal-Maltin għas-sħubija fl-UE hu wieħed minimu, kif ukoll li r-Referendum tal-2003 intrebaħ bi ftit voti.

Filwaqt li fil-konferenza f’Malta waqqa’ għaż-żufjett ukoll lil Angela Merkel, Farage tkellem ukoll dwar pajjiżu, ir-Renju Unit. Hu kien ikkwotat jgħid “jekk se nużaw il-kelma ‘razzist’, din għandna nużawha għal Alex Salmond għax jobghod apertament lill-Ingliżi”. Alex Salmond hu l-Mexxej tal-Partit Nazzjonali Skoċċiż, li qed jappoġġja vot għall-indipendenza tal-Iskozja mir-Renju Unit f’referendum li mistenni jsir f’Diċembru li ġej.

Nigel Farage ċaħad li tħallas bejn Stg5,000 u Stg10,000 biex jindirizza l-konferenza f’Malta. Qal li dejjem jiġbor fondi għall-partit tiegħu, iżda ma eskludiex li jżomm xi ħaġa għax għandu spejjeż mediċi kbar.