F’April, Malta kellha t-tieni l-akbar tnaqqis fil-bejgħ mill-ħwienet meta mqabbel max-xahar ta’ qabel, fost l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Dan joħroġ minn statistika ppubblikata mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-UE (Eurostat) dwar il-kummerċ madwar l-Ewropa, li turi li bħala medja l-bejgħ mill-ħwienet f’April 2014 żdied b’0.6% fl-Istati Membri tal-UE u b’0.4% fiż-Żona Ewro.
Madankollu, filwaqt li fl-Ewropa x-xejra hi waħda ta’ żieda fuq Marzu, f’Malta l-bejgħ mill-ħwienet naqas bi 2.6%, li jfisser it-tieni l-akbar tnaqqis wara r-Rumanija, li rreġistrat tnaqqis ta’ 3.2%. Kienu biss ħamsa l-Istati Membri li rreġistraw tnaqqis, fosthom Malta, li ilha tirreġistra tnaqqis fil-bejgħ mill-ħwienet kull xahar mill-bidu tas-sena.
L-istatistika tal-Eurostat tqabbel ukoll il-bejgħ mill-ħwienet f’April 2014 ma’ April 2013. F’dan il-każ, il-bejgħ żdied bi 3.4% bħala medja fl-UE u bi 2.4% bħala medja fiż-Żona Ewro. F’dan il-każ, f’Malta wkoll żdied, iżda b’rata ta’ 0.5%, li hi l-anqas rata fost l-Istati Membri kollha. F’dan il-każ, l-uniku pajjiż li rreġistra tnaqqis kien il-Portugall, bil-bqija tal-Istati Membri jirreġistraw żidiet fil-kummerċ.
Kien hemm pajjiżi fejn il-bejgħ żdied b’aktar minn 8%, fosthom l-Ingilterra, il-Litwanja u l-Estonja, filwaqt li l-akbar żieda kienet ta’ 10.5% fil-Latvja.
//= $special ?>