Dawk neqsin mis-smigħ f’Malta jinsabu fuq ix-xifer biex jispiċċaw f’sitwazzjoni fejn ma jkollhomx aċċess adegwat għal edukazzjoni, servizzi tas-saħħa u anke ġustizzja, hekk kif il-Gvern qed jonqos milli jindirizza l-problema tas-servizz tal-lingwa tas-sinjali. Hekk saħqet fi stqarrija l-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ, li fakkret li ilha għal żmien twil twissi lill-Gvern b’din il-problema.
L-għaqda sostniet li jekk il-Gvern ma jaġixxix malajr, dan is-servizz, li hu l-mezz kif persuni neqsin mis-smigħ jikkomunikaw mas-soċjetà, se jikkollassa. L-għaqda qalet li ftehim li ffirmat mal-Gvern fl-2011 biex jiġi ffinanzjat is-servizz ta’ interpretu li mpjegat magħha, skada f’Diċembru li għadda u wara li ġie estiż sa Marzu, minkejja li ma kienx ftehim adegwat xorta ma nstabitx soluzzjoni. L-għaqda qed tgħid li issa spiċċawlha l-flus u fil-jiem li ġejjin is-servizz se jikkrolla.
L-istqarrija fakkret li Malta rratifikat l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, li tagħmel is-servizz tal-interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali dritt fundamentali. L-NGO temmet tappella lill-avukati li jispeċjalizzaw fid-drittijiet tal-bniedem biex jagħmlu kuntatt magħha ħalli jgħinuha f’din is-sitwazzjoni.
//= $special ?>