Kenneth Ellul, ta’ 39 sena mill-Furjana u residenti Wied il-Għajn, appella minn kundanna ta’ ħtija ta’ 12-il sena ħabs wara li nstab ħati li wettaq hold-up fuq l-eks Deputat Laburista l-Prof Anthony Zammit f’Awwissu 2008 fir-residenza tiegħu f’Ħaż-Żebbuġ. Hu qed jitlob lill-Qorti biex tirriforma s-sentenza u tħassar u tirrevoka l-verdett u d-dikjarazzjoni ta’ sejbien ta’ ħtija taħt il-Kapi tal-Akkuża kollha, kif ukoll dwar ir-reċediva, filwaqt li l-Qorti tal-Appell tordna li jiġi lliberat.
Kenneth Ellul qed jgħid li fil-kors tal-ġuri saru bosta żbalji u rregolaritajiet proċedurali b’tali mod li l-imputat ma kellux smiegħ xieraq u dan waħdu għandu jkun biżżejjed biex il-Qorti tilqa’ l-Appell. Qal ukoll li meta wieħed iqis il-provi prodotti, il-konklużjoni raġjonevoli u leġittima hi li s-sejbien tal-ħtija tal-kapi tal-akkuża huma “unsafe u unsatisfactory“. Fil-kamp penali jrid ikun hemm konfort li jilħaq ċertu grad li ma jkunx hemm ebda dubju ddettat mir-raġuni bex tinstab il-ħtija.
Ellul qed jitlob ukoll li f’każ li l-ħtija tibqa’ fis-seħħ, il-Qorti tal-Appell tikkunsidra li tnaqqas il-piena fis-sentenza mogħtija billi tiġi mposta piena aktar ekwa u ġusta għaċ-ċirkostanzi tal-każ. Fl-appell tiegħu, qal li mhux biss hu dejjem saħaq li hu nnoċenti u li ma kienx fid-dar tal-eks Deputat Laburista u li d-dar tal-vittma raha biss mir-ritratti prodotti fil-proċeduri kriminali, iżda qal ukoll li x-xhieda kollha prodotti, anke dawk mill-esperti, imkien ma għamlu xi konnessjoni miegħu.
Hu qal ukoll li x-xhieda ta’ Christopher Shepard u Mark Anthony Ellul għamlu aċċenn li Anthony Ellul hu l-persuna li kienet involuta fis-serqa tal-Prof Zammit. Wieħed irid jifhem li dawn ix-xhieda, li kienu arrestati fuq akkużi kontrihom, mhumiex kredibbli. Fl-istess waqt, matul il-proċeduri, kien hemm inkonsistenzi fix-xhieda, speċjalment dik ta’ Christopher Shepard. L-avukat Josette Sultana, li ppreżentat l-appell, qalet ukoll li Mark Anthony Ellul kien ibbenifika minn żewġ sentenzi sospiżi u probation order fl-istess ġranet li għamel l-istqarrijiet bl-istorja li qal fuq Kenneth Ellul. Il-Qorti kienet ċaħdet it-talba ta’ Ellul li jippreżenta dawn is-sentenzi.
L-Appell jgħid li Ellul qed jissottometti li dawn ix-xhieda li nġabu bħala prova fil-konfront tiegħu ma tistax torbot fuqhom u ċertament il-verżjoni tagħhom hi unsafe u unsatisfactory. Rigward ix-xhieda tal-Prof Zammit, kif intqal qabel, skredita kull espert fil-każ u biddel il-verżjoni tiegħu diversi drabi li xehed. Jekk wieħed jara d-deskrizzjoni u x-xhieda li ngħatat quddiem il-Maġistrat Inwkirenti, quddiem il-Qorti Istruttorja u quddiem il-Qorti Kriminali, wieħed jara li hemm żieda fid-deskrizzjonijiet u pprova b’kull mod iżid biex tinstab il-ħtija ta’ Ellul.
Fatt ieħor li skont l-appellant hu favur tiegħu hu rigward Jason Galea, li tela’ jixhed rigward il-pistola. Rigward din tqabbdu ħafna esperti biex jixhdu dwar l-ispray, jekk hux oriġinali jew le, minħabba li l-eks Deputat Laburista qal li din kienet silver meta din l-arma għandha kulur ieħor. Rigward il-karozza li ssemmiet fil-ġuri, testijijiet u swaps li ttieħdu minnha u minn filters ta’ sigaretti li kien hemm fil-qrib tal-karozza, irriżultaw li kienu fin-negattiv u ma għandhom x’jaqsmu xejn ma’ Ellul. Sadanittant, kull oġġett li ttella’ bħala prova fil-Qorti, fosthom senter, romblu, oġġetti li nstabu fil-karozza u oħrajn, ma nstab xejn li b’xi mod jista’ jimplika lil Ellul.
Is-sentenza fil-ġuri kienet ingħatat aktar minn siegħa wara li l-ġurati ħarġu bil-verdett tagħhom, fi kważi seba’ sigħat ta’ deliberazzjoni. Ellul instab ħati 7-2 tal-akkużi kollha miġjubin kontrieh, tmienja b’kollox. Hu nstab ħati wkoll li sar reċidiv. Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef Quintano kien qal li dan hu reat serju, fejn wieħed li jkun jinsab id-dar għall-kwiet jiġi attakkat u misruq bil-mod kif seħħ il-każ fil-konfront ta’ Zammit. Qal li dan hu reat serju għax seħħ fir-residenza tal-eks Deputat Laburista stess u fis-satra tal-lejl.
L-Imħallef Quintano kien semma’ wkoll il-fatt li wara din is-serqa l-akkużat ikkommetta reat ieħor, dejjem kif turi l-kondotta tiegħu, jiġifieri reati ta’ serq. Hu semma’ wkoll il-fatt li ngħad li Ellul issa rranġa ħajtu, iżda fl-istess lok b’għemilu ħalla lil Zammit ibati mill-konsegwenzi tat-trawma sal-ġurnata tal-lum.
//= $special ?>

