Il-Pulizija qalet li arrestat raġel li hu suspettat bil-qtil ta’ tliet pulizija f’Moncton, fil-provinċja ta’ New Brunswick, u wara kaċċa intensiva għalih li damet għal kważi 48 siegħa.
Qabel din l-aħbar, il-belt ta’ Moncton kienet għaddejja minn stat ta’ assedju, b’ħafna nies jimxu mad-direttivi tal-awtoritajiet u ma joħorġux minn djarhom – bl-iskejjel u l-uffiċini tal-Gvern jibqgħu magħluqin. Intant, l-alert ma baqax effettiv mindu l-awtoritajiet ħabbru l-arrest tar-raġel, Justin Bourque, mill-pulizija tal-iskwadra SWAT li huma mħarrġin għal waqt sitwazzjonijiet ta’ periklu partikolari.
Filmat mhux daqstant ċar ta’ Bourque fil-ħin tal-arrest qiegħed jiċċirkola, bħalissa, fuq il-media soċjali u bil-kelliema għar-Royal Canadian Mounted Police qed jibgħatu l-messaġġi fuq Twitter li s-sitwazzjoni, issa, tinsab taħt kontroll.
Fis-sigħat preċedenti, l-pulizija kienet fittxet qalb il-foresta fiż-żona wara li rċeviet rapporti li Bourque seta’ kellu moħba fl-inħawi. Dan waqt li kienu qed jiċċirkolaw il-bullettini li ħeġġew biex il-pubbliku jeżerċita l-massimu tal-kawtela f’ċirkostanzi fejn ir-raġel imfittex kien armat sa snienu.
Il-pulizija maqtula f’dan il-każ kienu qed iwieġbu għal rapporti dwar ‘raġel armat’ li kien qed idur, nhar l-Erbgħa, fl-inħawi lejn il-Majjistral ta’ Moncton u fejn l-aggressur, imbagħad, fetaħ in-nar għal fuqhom. Spiċċaw feruti żewġ pulizija oħra fl-isparatura, b’wieħed minnhom ikun rilaxxat mill-isptar proprju lbieraħ u bl-ieħor jinsab ‘stabbli’.
Qabel l-arrest, mifhum li s-suspettat, li kien liebes bi stil militari, deher għal diversi drabi jdur lejn it-Tramuntana ta’ Moncton u fejn il-pulizija kienu għaddejjin bit-tfittxija.
Il-qtil tat-tliet pulizija jikkostitwixxi l-agħar attakk fuq il-pulizija Kanadiża mindu, fl-2005, erba’ pulizija sfaw maqtula minn raġel armat ġo razzett fil-provinċja ta’ Alberta.
Min-naħa tiegħu, s-Sindku ta’ Moncton, George Leblanc, qal, ilbieraħ, li filwaqt li l-poplu tal-belt hu sodisfatt li l-periklu għadda, n-nies qed jaqsmu sens ta’ niket profond għall-pulizija li mietu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom kif ukoll għall-familji tagħhom.
//= $special ?>

