Mexxejja dinjija ngħaqdu ma’ mijiet ta’ veterani fin-Normandija biex jitfakkar is-70 anniversarju mill-iżbarki fuq il-ħames xtajtiet fit-Tramuntana ta’ Franza. Diversi Kapijiet ta’ Stat iltaqgħu f’Ouistreham, li kienet waħda mill-ħames xtajtiet fejn truppi Alleati żbarkaw fis-6 ta’ Ġunju 1944. Il-President Franċiż Francois Hollande għamel diskors, segwit mill-President Amerikan Barack Obama. Fost dinjitarji oħrajn li marru Franza biex ifakkru dan l-anniversarju kien hemm il-President Russu Vladimir Putin u r-Reġina Eliżabetta II tar-Renju Unit. Preżenti għal din it-tifkira kien hemm ukoll il-Prim Ministru Ingliż David Cameron u l-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel.
Matul din il-kommemorazzjoni, saret verżjoni drammatizzata tal-iżbarki, li kienu l-bidu tal-invażjoni tal-Ewropa okkupata mill-Ġermanja Nazista. It-tifkira tal-akbar invażjoni fl-istorja militari riċenti bdiet f’12am li għadda bi vġili f’Pegasus Bridge qrib Ouistreham u li fakkret l-ewwel assalt tal-invażjoni meta suldati Ingliżi bdew l-ewwel azzjoni Alleata tal-kampanja. Ftit minuti wara 12am tas-6 ta’ Ġunju 1944, sitt gliders tat-tip Horsa, b’181 raġel mill-Glider Pilot Regiment u mit-Tieni Battaljun tal-Oxfordshire u Buckinghamshire Light Infantry niżlu fis-silenzju biex jaħtfu l-pont strateġiku u ieħor li kien hemm fil-qrib.
Dan wassal għas-suldati li żbarkaw fin-Normandija biex ipproċedew ‘il ġewwa fil-belt u saħħew il-kollegi tagħhom, li qabżu bil-paraxut. L-assalt ipprevjena wkoll lill-Ġermaniżi milli mbuttaw l-invażjoni fuq il-kosta. Għal diversi veterani li servew mar-Royal Marines, l-assalt li seħħ 70 sena ilu kienet qisha “l-infern fuq l-art” u ż-żjara tagħhom mill-ġdid fin-Normandija kienet waħda emozzjonali li ġabet lura ħafna memorji. F’ċimiterju ewlieni Ġermaniż f’La Cambe, qraba ta’ suldati Ġermaniżi qiegħdu kuruni sempliċi tal-fjuri.
Bejn 2,500 u 4,000 suldat Alleat huma maħsuba li nqatlu u kważi 9,000 suldat Ġermaniż ukoll huma stmati li tilfu ħajjithom f’D-Day. Madwar 156,000 suldat, l-aktar mir-Renju Unit, mill-Istati Uniti u mill-Kanada, żbarkaw fuq ix-xtajtiet tan-Normandija. Fis-6 ta’ Ġunju 1944, forzi Ingliżi, Amerikani u Kanadiżi nvadew il-kosta tat-Tramuntana ta’ Franza fin-Normandija. L-iżbarki kienu l-ewwel stadju ta’ Operation Overlord, jiġifieri l-invażjoni tal-Ewropa okkupata min-Nazisti, u kienu ntenzjonati biex itemmu t-Tieni Gwerra Dinjija.
Mat-tmiem ta’ din l-invażjoni, l-Alleati kienu stabbilixxew preżenza qawwija fi Franza u f’perjodu ta’ 11-il xahar, il-Ġermanja Nazista ċediet.
//= $special ?>

