Lokali Saħħa

L-MUMN tħabbar tilwima industrijali fl-Isptar Boffa

Il-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel (MUMN) ħabbret li rreġistrat tilwima ndustrijali fl-Isptar Boffa u se toħroġ direttivi għal azzjonijiet industrijali f’dan l-Isptar għall-membri tagħha. Fi stqarrija, l-MUMN qalet li f’laqgħa li kellha l-ġimgħa li għaddiet mad-Diviżjoni tas-Saħħa, ippreżentat sensiela ta’ proposti biex titnaqqas il-waiting list tal-kimoterapija u jitnaqqas sostanzjalment il-ħin ta’ stennija għall-pazjenti li jingħataw dan it-trattament.

Għalkemm il-proposti ġew aċċettati fil-prinċipju mid-Diviżjoni, l-MUMN qalet li jidher ċar li d-Diviżjoni ma rnexxilhiex issib soluzzjoni aċċettabbli b’rabta man-numru meħtieġ ta’ Spiżjara biex jipprovdu dan is-servizz u lanqas indirizzat bis-serjetà l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn l-Ispiżjara u tal-Pharmacy Technicians involuti. L-MUMN qalet li minhabba l-iffullar fis-swali tal-Isptar Boffa u dan in-nuqqas ta’ professjonisti fi Sptar li ddeskrivietu bħala wieħed bla Management kif suppost, l-istaff tal-Isptar, inkluż l-infermieri, ta’ kuljum qed jiffaċċjaw pressjoni dejjem tikber.

Għalhekk, l-MUMN iddikjarat li mhix lesta tħalli dan jibqa’ għaddej għax finalment qed ibatu l-pazjenti. B’hekk l-MUMN iddikjarat tilwima industrijali mal-Isptar Boffa u qalet li se toħroġ direttivi fis-sigħat li ġejjin.