Kultura Kunsilli Lokali Lokali

‘Arti fil-Beraħ’ f’Marsaskala

Nhar is-Sibt 28 u l-Ħadd 29 ta’ Ġunju, il-Kumitat Kulturali fi  ħdan il-Kunsill Lokali ta’ Marsakala ser jorganizza l-attivita’ ‘Arti fil-Beraħ’. Din hi waħda mill-attivitajiet annwali kulturali li jorganizza l-Kunsill.

Fost l-attivitajiet se jkun hemm esebizzjoni tal-artiġġjanat Malti li tiftaħ is-Sibt fis-6.30 ta’ filgħaxija meta jsir il-ftuħ uffiċjali. Il-ftuħ se jsir fi Triq ix-Xatt. Barra li juru x-xogħol tagħhom, l-esebituri se jkunu qed juru wkoll ‘hands on’ ta’ kif huma joħolqu l-biċċiet artistiċi b’mod daqstant irfinuti.

Matul il-promenade se jkun hemm madwar erbgħin stand ta’ artiġġjanat Malti, li jinkludu l-fuligranu, pitturi, statwarji, xogħol fl-injam, xogħol fuq il-ħġieġ, tas-suf, bizzilla, ġojjelli, ċeramika, xogħol bit-tafal, ir-rakkmu u xogħol ta’ sapun b’ingredjenti naturali.

Se jkun hemm ukoll rokna, fejn it-tfal jistgħu jipprovaw huma stess il-ħiliet tagħhom fl-arti tal-artiġġjanat.

Biex l-attivita’ tkun aktar ħolistika ġew mistiedna wkoll grupp ta’ Residenti minn San Vinċenz de Paule, biex ukoll juru l-ħiliet tagħhom fit-tfassil tal-artiġjanat.

Fost l-attivitajiet li se jittellgħu se jkun hemm ukoll raħal Ċiniż fejn wieħed ser isib tagħrif u ikel Ċiniż. Se jkun hemm Esebizzjoni ta’ Arti Marzjali Ċiniża kif ukoll artiġjanat Ċiniż u tagħrif fuq Mediċina Ċiniża. Il-villaġġ Ċiniż qed jitella’ bl-għajnuna taċ-Ċentru Kulturali Ċiniż.

Il-Ħadd filgħodu għall-ħabta tal-10.00 matul il-Promenade se jkun hemm esebizzjoni ta’ muturi. Fis-2.30 ta’ waranofsinhar fil-Bajja ta’ San Tumas imbgħad ikun hemm wirja tal-Jet Skis.

Il-pubbliku li se jattendi għal dawn l-attivitajiet ikun jista’ wkoll iżur xi wieħed mir-ristoranti filwaqt li jisma’ miżuika live matul l-attivitajiet kollha. L-attivita’ qed titella’ bl-għajnuna tal-Ministeru tat-Turiżmu u s-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali.