F’Għawdex waslet edizzjoni oħra tal-Victoria International Arts Festival. Festival li din is-sena se jkun qed jidħol fis-sbatax-il edizzjoni tiegħu u li jsir kull sena bi tħejjija għall-festa tal-padrun t’Għawdex San Ġorġ Martri li tkun iċċelebrata fit-tielet Ħadd ta’ Lulju fir-Rabat Għawdex.
Dan il-festival għandu żewġ għanjiet – skop kulturali imma wkoll edukattiv. Fuq kollox, iżda, permezz ta’ diversi attivitajiet kulturali ta’ livell għoli mifruxin fuq aktar minn xahar, jippromwovi lil Għawdex bħala ċentru kulturali ta’ kwalita’ fil-bidu tas-sajf.
Il-festival din is-sena se jiftaħ b’kunċert inwagurali nhar l-Erbgħa 11 ta’ Ġunju u l-kalendarju tal-avvenimenti jibqa’ għaddej, kważi kuljum, sat-Tnejn 14 ta’ Lulju meta jsir il-kunċert tal-għeluq. Fiż-żewġ każi, fil-bidu u fl-aħħar, il-kunċerti se jittellgħu mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.
Il-festival huwa wkoll rikonoxxut bħala attivita’ nazzjonali wara li dan l-aħħar kien iffirmat ftehim ta’ sħubija kulturali bejn l-organizzaturi tiegħu, il-Kor residenti tal-Bażilika ta’ San Ġorġ Laudate Pueri, u l-Gvern.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena se jkun hemm xejn inqas minn 33 kunċert differenti mifruxin fuq il-ħames ġimgħat bis-sehem ta’ aktar minn 400 mużiċist lokali u barrani. Se jkunu rappreżentati fil-festival aktar minn għoxrin pajjiż differenti u se jiġu interpretati xogħlijiet ta’ aktar minn 140 kompożitur b’mużika li tvarja minn xogħlijiet tal-era Medjevali għal dik kontemporanja. Anke l-kunċerti jvarjaw – minn kunċerti solo għal kwartetti, chamber ensembles, korijiet, bands u orkestri.
Tispikka ġimgha partikolari li tkun dedikata lill-mużika Barokka u li matulha, fil-kunċerti li jsiru, jintużaw strumenti tal-epoka. U bħas-soltu se jsiru wkoll Master Classes f’diversi dixxiplini mużikali.
Fost ismijiet magħrufa li din is-sena l-organizzaturi rnexxielhom jattiraw il-parteċipazzjoni tagħhom insibu l-Martinu Quartet, il-grupp korali minn Londra Siglo de Oro li se jinterpreta xogħlijiet kummissjonati esklussivament għal dan il-festival, il-Clare College Choir ta’ Cambridge, kantanti mill-famuża Cappella Musicale Pontificia Sistina, u Gianluca Libertucci li huwa l-organista tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan.
Il-kunċerti tal-Victoria International Arts Festival 2014 se jsiru fi 8 postijiet differenti – fosthom il-Bażilika ta’ San Ġorġ fil-qalba tal-Belt Victoria, l-Awla Monsinjur Guzeppi Farrugia fl-istess knisja, il-mużew Il-Ħaġar, il-Knisja ta’ San Frangisk, il-Kunvent ta’ Santu Wistin, il-Kurja tal-Isqof, il-Librerija Pubblika u c-Centru tal-Kultura u l-Arti fic-Cittadella – kollha fil-belt kapitali Għawdxija. Il-kunċerti kollha jibdew fit-tmienja ta’ filgħaxija u d-dħul għalihom ikun b’xejn. Id-direzzjoni artistika tal-Festival se tkun bħas-soltu f’idejn Maestro Joseph Vella.
//= $special ?>