Il-bini mill-ġdid tal-PN irid isir fuq pedamenti sodi li fihom jemmen il-Partit u li jinkludu l-liberta’ u d-demokrazija, il-ħolqien tax-xogħol, is-saltna tad-dritt u l-impenn lejn il-pajjiż.
Dan sostnieh il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta s-Sibt filgħaxija inawgura mill-ġdid il-Każin Nazzjonalista tas-Siġġiewi ‘7 ta’ Ġunju’.
Fil-preżenza tal-President Emeritus Eddie Fenech Adami, tal-eks Kap tal-PN Lawrence Gonzi u tal-Viċi-Kapijiet tal-PN Mario de Marco u Beppe Fenech Adami, il-Kap tal-PN Simon Busuttil tkellem dwar ir-rabta li hemm bejn l-avvenimenti tas-7 ta’ Ġunju 1919 u l-PN u sostna li hekk kif fl-1919 il-Maltin semmgħu leħinhom għad-drittijiet tagħhom hekk ukoll tul is-snin, bit-tmexxija tal-PN, il-poplu Malti għamel kisbiet kbar fosthom is-sħubija ta’ Malta fl-UE.
Meta tkellem dwar il-bini mill-gdid tal-PN, Simon Busuttil qal li l-iskop ewlieni wara din il-ħidma hi li l-PN jerġa’ jiskeb il-fiduċja tan-nies biex ikun tal-aqwa servizz għall-pajjiż.
Il-PN irid jerġa’ jsir partit tan-nies, sostna l-Kap tal-PN, li kompla li f’din il-bidla l-PN irid jibqa’ leali lejn l-impenn lejn il-pajjiż.
Simon Busuttil qal li l-l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali li se jsiru f’Marzu li ġej iridu jkunu appuntament li fih il-PN juri d-determinazzjoni u l-perseveranza tiegħu quddiem l-isfidi.
Il-ftuħ mill-ġdid tal-Każin Nazzjonalista fis-Siġġiewi beda bit-tlugħ tal-bandiera mal-arblu tal-każin biex wara saru diskorsi mid-deputati Ryan Callus u Clyde Puli. Diskors ieħor sar mill-Ewro-parlamentari Therese Comodini Cachia. Tkellem ukoll is-Sinku tas-Siġġiewi Karol Aquilina. Huma tkellmu dwar l-impenn li n-Nazzjonalisti tas-Siġġiewi dejjem urew lejn il-PN u l-mod kif is-Siġġiewi dejjem baqa’ viċin il-PN. Għall-attivita attenda wkoll l-eks Deputat Nazzjonalista Ninu Zammit.
Għal din l-okkażjoni saret ukoll esebizzjoni dwar l-istorja tal-PN fis-Siġġiewi. L-esebizzjoni nkludiet ritratti dwar l-impenn tas-Siġġiwin fil-PN u tiffoka wkoll il-kontribut tal-PN fuq livell politiku nazzjonali u internazzjonali b’enfasi fuq l-Indipendenza, ir-Repubblika u s-sħubija ta’ Malta fl-UE. Aspetti oħra tal-esebizzjoni huma l-ingawurazzjoni tal-ewwel ka]in tal-PN fis-Siġġiewi u tal-ħidma li saret mill-PN f’dan ir-raħal tul is-snin.
//= $special ?>