Lokali

Illum imfakkar is-Sette Giugno

Is-Sibt filgħodu ġew imfakkra l-vittmi tas-Sette Giugno bi tqegħid ta’ fjuri mill-Kumitat Festi Nazzjonali fuq il-monument li jinstab fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata.

Is-Sette Giugno, jfakkar l-irvell tal-1919 meta waqt protesta minħabba ż-żieda fil-prezz tal-qamħ suldati Ingliżi kienu fetħu n-nar fuq il-Maltin, fejn inqatlu Guzeppi Bajada, Manwel Attard, Wenzu Dayer u Karmenu Abela.

Din il-festa nazzjonali għandha wkoll konnessjoni qawwija mal-istituzzjonji tal-Parlament minħabba li l-irvellijiet saru waqt laqgħa tal-Assemblea Nazzjonali li kienet qed tiddiskuti proposta ta’ kostituzzjoni li biha Malta kellha ssir kolonja awtonoma fi ħdan l-Imperu Ingliz.

Is-sena 1919 kienet sena ta’ tensjoni internazzjonali fejn barra s-Sette Giugno, kienu bdew il-gwerer għall-indipendenza tal-Estonja u l-Irlanda u kien hemm rivoluzzjoni fl-Eġittu u s-Sudan kontra l-okkupazzjoni militari Ingliża.