Internazzjonali Lokali Xjenza u Teknoloġija

Insistenza għal warrent qabel it-‘tapping’

L-opinjoni pubblika internazzjonali qed tesiġi aktar informazzjoni u konfermi dwar ir-rapporti ta’ spjunaġġ telefoniku f’29 pajjiż.

Dawn ir-rapporti żvelati f’The Guardian ngħataw aktar saħħa wara li l-kumpanija Vodafone żvelat l-eżistenza ta’ wires sigrieti li permezz tagħhom aġenziji governattivi jitteppjaw konversazzjonijiet.

Minn statistika ppubblikata jirriżulta li, komparata mal-poplazzjoni, Malta hi fost l-aktar pajjiżi li fihom qed isir tapping. Jirriżulta li f’Malta l-kumpanija Vodafone kellha 3,773 talba ta’ dan it-tip. Dan wassal lill-Partit Nazzjonalista biex jipproponi l-ħruġ ta’ warrant biex ikun jista’ jsir tapping ta’ telefonati.

Dawn ir-rapporti ġabu reazzjoni f’Malta fejn il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurta Nazzjonali qal li l-maġġoranza tal-konversazzjonijiet interċettati f’Malta huma relatati mal-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar reati kirminali filwat li ammont żgħir ħafna minn dawn interċezzjonijiet hi informazzjoni mitluba mis-Servizz ta’ Sigurta ta’ Malta.

Stqarrija oħra nħarġet minn Vodafone li fiha l-kumpanija qalet li t-3,733 talba li kellha kienu talbiet formali magħmula minn aġenziji bħala parti minn investigazzjonijiet tal-pulizija. Il-kumpanija sostniet li dawn l-interċezzjonijiet ma jsirux mill-Vodafone u ddikjarat li Vodafone Malta taħdem fil-qafas tal-liġijiet Maltin li tobbliga lill-operaturri kollha tal-mobile bl-istess mod. Vodafone Malta sosniet li r-rapporti f’The Guardian jiżgwidaw u ma jirrappreżentawx l-istampa kollha tar-rapport ippubblikat minn Vodafone.

Il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista kienet espressa permezz ta’ stqarrija tal-Kelliem għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Kompetittivita’ Kristy Debono li qalet li l-istatistika ppubblikata minn The Guardian hi allarmanti u għandha tinkwieta lill-klijenti Maltin li jużaw il-mobile, hu ta’ liema kumpanija hu.

Id-Deputat Nazzjonalista qalet li dan it-tapping fuq ammont daqstant kbir ta’ telefonati u messaġġi li jsiru f’Malta jirrifletti fuq ammont ferm ikbar ta’ telefonati u messaġġi li jsiru f’Malta. Kalkolu approssimattiv iwassal għall-konklużjoni li iktar mnn 8,000 telefonata jew messaġġ ikunu tapped mill-awtoritajiet Maltin.

Jirriżulta li fuq perjodu ta’ sena f’Malta qed ikunu tapped 37% aktar telefonati u messaġġi mir-Renju Unit.

Kristy Debono sostniet ukoll li qed jitqanqlu wkoll dubju dwar l-iskop wara dan it-tapping propju f’pajjiż żgħir bħal Malta. Il-Partit Nazzjonalista appella biex din is-sitwazzjoni tingħata importanza nazzjonali minnufih u qed jipproponi li tkun imdaħħla l-ħtieġa ta’ warrant qabel ikun jista’ jsir tapping.

[headlines headline=”h3″ ] Il-KSU se jsejjaħ laqgħa biex jiddiskuti dawn l-iżviluppi [/headlines]

Intant, f’stqarrija il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) ħabbar li se jkun qed ilaqqa’ il-Kummissjoni Politika Soċjali (KPS) fi ħdan l-istess Kunsill bil-għan li tiġi diskussa din il-kwistjoni b’rabta mas-sorvejlanzja min-naħa tal-Gvernijiet.

Il-KSU saħaq li s-sorveljanza arbitrarja u l-interċetazzjoni tad-‘data’ u l-komunikazzjoni imorru kontra d-dritt tal-privatezza u filwaqt li s-sigurta’ pubblika tista’ tiġġustifika li jsir dan, l-istati kollha għandhom jirrispettaw, mingħajr l-ebda kundizzjoni, l-obbligazzjonijiet tagħhom skont il-liġijiet dwar id-drittijiet internazzjonali tal-bniedem.