Lokali Sport Sport Ieħor

L-Oppożizzjoni se tressaq proposta ta’ liġi dwar ħajja sana

L-Oppożizzjoni tieħu il-kwistjoni tal-obeżita bis-serjeta’ u hu għalhekk li nhar it-Tnejn fil-Parlament se titressaq Private Members Bill bl-isem ta’ Att dwar Stili ta’ Ħajja Sana, mimlija punti ta’ azzjoni biex l-obeżita’ tiġi miġġielda mill-għeruq tagħha.

Fost oħrajn l-Oppożizzjoni qed tipproponi li jitwaqqaf kumitat konsultattiv li jiġbor nies li jaħdmu fl-isport biex flimkien jikkumbattu l-obeżita’ minn kull angolu. Din il-proposta ta’ liġi trid tiġbor fiha nies minn numru ta’ ministeri. Se jiġu proposti wkoll miżuri li jistgħu jittieħdu fost it-tfal matul il-ħajja edukattiva tagħhom inkluż x’tip t’ikel għandu jinbiegħ mill-canteens tal-iskejjel, kif wara żogħżija xorta tibqa’ tingħata importanza lill-ħajja attiva’.

Ħabbar dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil waqt diskors fl-għeluq tat-tieni ġurnata tal-Konferenza Nazzjonali tal-Isport organizzata minn Tim Sport PN. Hu fisser dan bħala pass ieħor importanti mill-Oppożizzjoni li qed tkun proattiva u tieħu azzjoni.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni rringrazzja lil dawk kollha li pparteċipaw f’din il-Konferenza Nazzjonali, b’mod speċjali lill-Gvern u lill-Alternattiva Demokratika li aċċettaw l-istedina biex jipparteċipaw f’din il-Konferenza Nazzjonali li saret lil hinn mill-politika.

Il-kelliem tal-oppożizzjoni għaż-żgħażagħ u l-Isport Robert Cutajar ukoll enfasizza dwar problemi bħall-obeżita’, bullying, razziżmu u numru ta’ punti oħra li din il-konferenza qed tindirizza. Tkellem b’sodisfazzjon li matul dawn l-aħħar xhur il-ħidma sarrfet biex ħarġu messaġġi importanti li joffri l-isport. Qal li minkejja kwistjonijiet li jinqalgħu minn żmien għal żmien, din il-konferenza għaqqdet lil ħafna flimkien mingħajr pika imma biex il-konferenza ħarġet punti li se jgħinu l-isport jimxi ‘il quddiem.

Konferenza Sports PN robert cutajar

Matul il-konferenza tkellmet ukoll il-kelliema tal-Alternattiva Demokratika Claire Lucille Azzopardi Lane li qalet li l-isport irid ikun aċċessibbli għal kulhadd. Hi appellat għal faċilitajiet adattati biex persuni b’diżabilta’ jkunu jistgħu jipprattikaw l-isport tagħhom.

Minn naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żagħżagħ u l-Isport tkellem dwar il-limitazzjonijiet kbar ta’ pajjiżna fl-isport. Għalhekk pajjiżna jrid iħares lejn il-privat fejn hemm lok li l-isport ikompli jikber.

Matul din il-ġurnata ġew preżentati wkoll numru ta’ oġġetti li se jmorru b’risq Puttinu Cares fosthom ballun iffirmat minn referees li kkontrollaw il-finali tal-kampjonati ta’ taħt is-17-il sena tal-UEFA li saru f’Malta, flokkijiet iffirmati mill-plejers li ħadu sehem fil-finali, ballun iffirmat minn Gary Neville, ingwanta tal-boxer Leon McKenzie kif ukoll ktieb tiegħu, l-accreditation tal-editur ta’ Sky Sports Nick Powell, flokk tan-Napoli ffirmat mill-plejers kollha kif ukoll flokk ta’ Andre Schembri li lagħab bih ma’ Omonia Nicosia f’Ċipru fost diversi oġġetti oħra.

Il-Konferenza Nazzjonali tal-Isport tiġi fi tmiemha l-Ħadd b’serje ta’ attivitajiet matul il-ġurnata.