Kif kien mistenni, l-Imħallef Lino Farrugia Sacco se jappella mis-sentenza tal-Qorti Ċivili, Sede Kostituzzjonali, mgħotija l-Ħamis li fiha l-Qorti qalet li ma nkisirx d-dritt dwar smiegħ xieraq miksura bil-proċeduri ta’ Impeachment fil-konfront tiegħu u li bl-ebda mod ma ġew mittiefsa d-drittijiet umani u fundamentali tiegħu.
L-Appell mistenni jiehu diversi ġimgħat u fid-dawl tad-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat li hemm miżuri oħrajn li l-Imħallef Farrugia Sacco għad jista’ jirrikorri għalihom u għandu jingħata kull opportunita’ biex jagħmel dan, il-probabbilta’ hi li l-proċessi kollha mhux se jkunu eżawriti qabel Awwissu li ġej meta l-Imħallef Farrugia Sacco jagħlaq 65 sena u jirtira mill-kariga kif mitlub mill-liġi.
Fi stqarrija maħruġa mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u kelliem għall-Ġustizzja Beppe Fenech Adami, il-Partit Nazzjonalista qal li jistenna li l-Prim Ministru jmexxi minnufih bil-mozzjoni ta’ impeachment għaliex jekk ma jsirx hekk il-Prim Ministru Joseph Muscat jkun qed jibqa’ jnawwar il-fiduċja tan-nies fil-Qrati.
Il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija fakkar kif ftit tal-ġimgħat ilu l-ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ta ruling li fih stqarr li l-proċeduri tal-Qorti m’għandhomx iwaqqfu l-ħidma Parlamentari.
Għalhekk bid-dikjarazjzoni tiegħu li se jagħti ċans biex Farrugia Sacco jiddeċiedi l-pass li jmiss, il-Prim Ministru qiegħed jisfida d-deċiżjoni tal-Ispeaker.
L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista ttemm tgħid li hu evidenti li l-Gvern qed itawwal il-proċess sakemm l-Imħallef Lino Farrugia Sacco jirtira mingħajr ma ssir ġustizzja fil-konfront tiegħu.
//= $special ?>

