Lokali

Tkompli l-maratona tal-futbol b’riżq Puttinu Cares

Matul il-jum tas-Sibt, f’temp mill-isbaħ, kompliet il-maratona ta’ 60 siegħa logħob ta’ futbol u volleyball b’risq Puttinu Cares – organizzazzjoni li taħdem qatigħ biex tgħin lill-ġenituri ta’ tfal morda bil-kanċer.

Din il-maratona bdiet bil-kick-off mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u Antonio Schardino, tfajjel ta’ 13-il sena li qed jieħu l-kura fir-Rainbow Ward fl-Isptar Mater Dei ftit wara l-għaxra tal-Ġimgħa filgħodu li fetħet il-maratona.

Din l-attivita’, li din is-sena qed tiċċelebra anniversarju speċjali – hekk kif daħlet fl-għaxar edizzjoni tagħha – qed issir fil-grawnds tal-Marsa.

L-iskop ewlieni ta’ din l-attivita’ hu biex jinġabru fondi sabiex Puttinu Cares jifdi d-dejn li għandu mal-bank. Dan għax minn self ta’ tliet miljun ewro u nofs li għandhom jitħallsu sa’ għaxar snin – biex jinxtraw 12-il appartament f’Sutton – s’issa thallsu żewġ miljun ewro fi tliet snin.

Il-Maratona se tibqa’ għaddejja bla waqfien sal-Ħadd li ġej, u minħabba l-anniversarju speċjali tal-10 snin, il-Ġimgħa filgħaxija ttella’ wkoll kunċert mit-tribute band tal-grupp popolari Irlandiż U2 u tal-kantanta Amerikana Tina Turner. Dan minbarra spettaklu ta’ divertiment imtella’ minn talent lokali fis-serati kollha tal-Maratona.