Lokali

Għal PM Joseph Muscat pajjiżna huwa l-iktar pajjiż fl-Ewropa li ħoloq xogħol

Għal Prim Ministru Joseph Muscat pajjiżna huwa l-iktar pajjiż fl-Ewropa li ħoloq xogħol, dan minkejja li statistika ufficjali mahħruga mill-Unjoni Ewropeja aktar kmieni din il-ġimgħa, turi li pajjiżna kompla nieżel f’termini ta’ l-inqas rata ta’ qgħad fl-Ewropa.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal dan f’intervista rekordjata il-Ħadd filgħodu fuq l-istazzjon tar-radju tas-super one.

B’kuntrast għal dak li qalet l-istatistika fejn pajjiżna naqqas il-pożizzjoni tiegħu u mis-sitt post issa ninsabu fis-seba’ post, il-Prim Ministru Muscat sostna illi matul l-ewwel sena ta’ gvern Laburista għal kull post tax-xogħol li ntilef inħolqu disa’ postijiet tax-xogħol ġodda.

Huwa qal ukoll li l-statistika qed turi li n-nies jirreġistraw naqsu għal erba xhur wara xulxin bejn Jannar u April.

Fost temi oħra diskussi il-Prim Ministru tkellem dwar is-settur tas-saħħa u l-problema tal-immigrazzjoni li reġgħet tqajjmet f’dawn l-aħħar ġranet.

Joseph Muscat sostna li għalkemm għandna dover uman lejn l-Immigranti, aħna għandna wkoll dover politiku lejn il-Maltin biex ma nħallu lil ħadd jgħaddi minn fuqna.

Il-koperazzjoni li kien hemm fl-aħħar sigħat bejn il-Gvern Malti, l-Forzi Armati Taljani flimkien mal-intervent minn pajjiz terz bħall-Amerika, għandu jħammar wiċċ l-Ewropa qal Joseph Muscat.