Lokali

Grupp ta’ immigrant irregolari li kien salvat fin-Nofsinhar ta’ Malta, twassal f’pajjiżna

Grupp ta’ 130 immigrant irregolari, li kien salvat fin-Nofsinhar ta’ Malta, twassal f’pajjiżna fuq il-patrol boat P61 matul il-lejl li ghaddal f’ħidma twila u diffiċli ta’ salvataħħ li rat l-impenn u l-isforzi ta’ forzi militari minn Malta, mill-Italja u mill-Istati Uniti.

Seba’ immigranti oħrajn ukoll twasslu Malta bl-għajnuna ta’ ekwipaġġ Malti u Taljan abbord helikopter AB212 tal-Missjoni Militari Taljana. Dan għax l-immigranti kellhom bżonn kura medika urgenti.

Ħamsa minn dawn l-immigranti nġiebu Malta s-Sibt filgħodu, permezz ta’ ajruplan tal-Qawwa Navali Amerikana, u tnejn oħra twasslu abbord il-helikopter tal-Missjoni Militari Taljana matul il-lejl li għadda.

Il-Forzi Armati ta’ Malta qalu li l-grupp li twassal f’Malta inkluda 11-il mara u f’dak il-mument partikulari Malta kienet l-eqreb port li seta’ joffri kenn għal dawn l-immigranti. 282 immigrant iehor ingabru mill-bastiment navali Amerikan USS Bataan u 453 gew salvati minn frigati Taljani fin-Nofsinhar ta’ Lampedusa u twasslu fil-gżira Taljana.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat faħħar lill-FAM kif ukoll lill-qawwiet navali tal-Italja u tal-Istati Uniti ghall-ħidma tagħhom. F’messaġġ li bagħat fuq Twitter, il-Prim Ministru qal li l-Armata qed taghmel xogħol kbir flimkien ma’ ħidma kongunta bejn l-Italja u l-Istati Uniti dwar l-immigrazzjoni.

Iżda fl-istess ħin irrimarka li l-Unjoni Ewropea hi totalment assenti quddiem dan il-fenomenu.