Minkejja li hemm ħafna dubji u mistoqsijiet marbutin mal-kafetterija jew ristorant fit-Terminal taċ-Ċirkewwa, il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo jibqa’ jagħti tweġibiet xotti dwar dan il-proġett. Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said, f’Mistoqsija Parlamentari, kien qal li jinsab infurmat li l-proċess biex tingħata l-konċessjoni ta’ ristorant jew kafetterija fit-Terminal taċ-Ċirkewwa beda billi ħarġet sejħa għall-offerti fl-20 ta’ Settembru 2013, bid-data tal-għeluq kienet it-18 ta’ Ottubru 2013.
L-offerti ġew ipproċessati u kumpanija intgħażlet wara l-proċess tal-għażla. Għaldaqstant, f’Mistoqsija Parlamentari d-Deputat Nazzjonalista staqsa lill-Ministru Anton Refalo jekk, b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 9341, il-Ministru jistax iwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija jiġifieri kemm kien il-valur tal-offerti sottomessi u liema offerta ġiet magħżula biex tingħata l-konċessjoni ta’ ristorant jew kafetterija fit-Terminal taċ-Ċirkewwa. Barra minn hekk, Said staqsa wkoll lill-Ministru biex jgħid min kienu l-offerenti u min intgħażel.
Iżda l-Ministru Refalo ma weġibx il-Mistoqsijiet li sarulu u qal biss li m’hemm xejn xi jżid mat-tweġiba li ta ftit taż-żmien qabel għall-Mistoqsija Parlamentari preċedenti. Fil-Mistoqsija Parlamentari 9341, Chris Said kien staqsa lill-Ministru Refalo fhiex wasal il-proċess biex tingħata l-konċessjoni ta’ ristorant jew kafetterija fit-Terminal taċ-Ċirkewwa, xi proċess sar s’issa u kemm intefgħu offerti, kif ukoll kemm kien il-valur tal-offerti u liema waħda ġiet magħżula.
Il-Ministru kien qal li l-offerti ġew ipproċessati u kumpanija intgħażlet wara l-proċess tal-għażla. Madankollu, ma tax aktar dettalji dwar il-kumpanija li ntgħażlet. B’hekk, għal darba darbtejn Refalo reġa’ baqa’ ma tax risposta konkreta dwar dan.
//= $special ?>