Wara li qala’ diversi daqqiet ta’ sikkina Joseph Portelli li kien mitfugħ minn tulu fl-art baqa’ jaqla’ daqqiet mingħand l-akkużat li wara li tkeċċa mill-Magistrat mill-awla tal-Qorti ta’ Ghawdex, reġa’ daħal jiġri fid-direzzjoni tal-vittma u tah bis-sikkina, b’diversi persuni jippruvaw jikkalmaw is-sitwazzjoni.
Dan xehdu l-Ispettur Bernard Spiteri meta t-Tnejn filgħodu beda jixhed fil-guri ta’ Pasqualino Cefai ta’ 34 sena miż-Żebbuġ, Għawdex li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Michael Mallia. B’Cefai jinsab akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Joseph Portelli ta’ 56 sena, li huwa miż-Żebbug ukoll, fl-awla tal-Qorti ta’ Għawdex.
Il-każ imur lura sentejn, għas-sitta ta’ Gunju tal-2012, meta Cefai, kien involut f’kawza ċivili kontra Joseph Portelli u kien urtat għall-fatt li l-Qorti issekwestrat żewġ trakkijiet tiegħu sabiex jiġu likwidati u Portelli jitħallas il-flus dovuti.
F’dik is-seduta, il-Magistrat Josette Demicoli kienet keċċiet lil Cefai barra mill-Awla wara diversi interruzzjonijiet u li matulhom hedded ukoll lil Portelli.
Ftit wara, Cefai rega’ daħal u ħebb għal Portelli b’mus, u kkawżalu ġrieħi serji b’14-il daqqa tant li għal xi żmien kien anki fil-periklu li jitlef ħajtu iżda b’xorti tajba qaleb għall-aħjar u rkupra mill-grieħi li ġarrab.
L-akkuza tgħid li kien grazzi għall-invervent mediku f’waqtu u wkoll għall-kura li ngħatat lil Portelli fl-isptar li dan salva, u għalhekk Portelli ma tilifx ħajtu għal raġunijiet independenti u aċċidentali mir-rieda ta’ Cefai.
Anki l-Avukat ta’ Portelli, li daħal bejn iż-żewġt irgiel biex iferraqhom, kien sofra xi ġrieħi. L-Avukat Kevin Mompalao sofra feriti ta’ natura gravi f’idejh. U fil-kaz kien indarab hħafif ukoll il-Marixxall tal-Qorti t’Għawdex Mikielang Bajada li pero’ ma kellux għalfejn jiddaħħal l-isptar għall-kura.
Ghal Cefai qegħdin jidhru l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo filwaqt li l-Prosekuzjoni qed titmexxa mill-Avukati Lara Lanfranco, Gianella Busuttil u Vincienne Vella.
//= $special ?>

