Nhar il-Ħamis li għadda, l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, ħareġ ċifri dwar il-bejgħ fil-ħwienet madwar l-Unjoni kollha. Dawn iċ-ċifri kkonfermaw dak li ilu għaddej f’Malta għal numru ta’ xhur: suq ħażin għal tal-ħwienet. U mhux biss; jikkonfermaw ukoll li Malta qiegħda ma’ tal-aħħar fl-Ewropa.
Żieda fil-bejgħ fl-Ewropa
Iċ-ċifri tal-Eurostat huma għal April, għal kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea, imma jagħtu wkoll ix-xejra ġenerali fl-Unjoni meħuda f’daqqa. U din kienet waħda tajba. L-Unjoni Ewropea qed tkompli tikkonferma li ħarġet, u issa ilha ftit, mill-agħar riċessjoni li batiet fl-aħħar 80 sena u f’April il-bejgħ fil-ħwienet fl-Ewropa żdied b’1 fil-mija fuq Marzu u bi 3 fil-mija fuq April tas-sena ta’ qabel.
Suppost f’Malta morna aħjar…
Mela f’Malta kellna nistennew li mmorru saħansitra aħjar, għax ir-riċessjoni qawwija li l-Ewropa batietsal-2013 lilna bilkemm messitna, u jekk f’Malta konna sejrin tajjeb meta l-Ewropa kienet sejra ħażin,aħseb u ara kemm imissna sejrin tajjeb issa.
… imma fil-fatt morna mal-agħar fl-Ewropa…
Imma mhux hekk. Għax waqt li fl-Ewropa l-bejgħ fil-ħwienet f’April żdied b’1 fil-mija fuq ix-xahar ta’ qabel, f’Malta naqas bi 3 fil-mija. Dan diġà ħażin. Imma agħar hu l-fatt li mill-pajjiżi kollha tal-Ewropameta mqabblin max-xahar ta’ qabel, Malta l-aktar li naqqset fil-bejgħ f’April flimkien mar-Rumanija .
…anke meta nqabblu ma’ sena qabel
U jekk tqabbel ma’ sena qabel, Malta wkoll tibqa’ fil-qiegħ. L-Ewropa meħuda f’daqqa kienet qiegħda żżid il-bejgħ f’April bi 3 fil-mija fuq sena qabel. Aħna bqajna fejn konna, meta suppost żidna sew għax dis-sena l-Għid ġie f’nofs April meta s-sena ta’ qabel kien ġie f’Marzu. U meta nqabblu April ma’ sena qabel u mal-bqija tal-Ewropa, Malta tibqa’ fil-qiegħ tal-bejgħ flimkien mal-Portugall, pajjiż fallut.
Il-Ministru tal-Finanzi ma jafx x’qed jiġri
Waqt li għal xhur sħaħ il-bejgħ fil-ħwienet f’Malta bata bil-qawwi, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna baqa’ bla ebda rispons. Anzi issa li għaddiet l-elezzjoni tal-24 ta’ Mejju, laqqa’ l-kunsill ekonomiku u ħabbar li se jagħfas fuq is-saħħa u s-servizzi soċjali, ħaġa li ma tantx tista’ tagħti fiduċja lill-konsumatur għal li ġej.
Il-weak link fil-gvern ta’ Muscat skont il-gvern stess
Sorsi fil-gvern ta’ Muscat stess ftit tal-ġimgħat ilu qalu lill-gazzetta MaltaToday li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna hu ‘skorfina maħlula’ fil-gvern, mhux prattiku u ma jafx x’inhu għaddej fil-ministeru tiegħu stess’. Suppost Edward Scicluna kellu jmexxi l-aqwa team ekonomiku tal-pajjiż li jkun l-aqwa fl-Ewropa. Imma b’dak li għaddej fil-ħwienet u fiċ-ċifri, qegħdin l-aħħar fl-Ewropa u Edward Scicluna mhu jagħmel xejn biex iżid il-fiduċja tal-konsumatur, anzi qed ikompli jnaqqasha.