Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali Parlament

Hu mportanti li l-Parlament Nazzjonali u dak Ewropew jaħdmu flimkien

L-importanza tal-koperazzjoni bejn il-Parlament Nazzjonali u dak Ewropew flimkien mal-kwistjoni tal-immigrazzjoni rregolari kienu fuq l-aġenda ta’ laqgħa bjen l-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia u l-Membri Parlamentari Ewropej Maltin li ġew eletti fl-elezzjoni tal-24 ta’ Mejju. Nieqes kien hemm biss Alfred Sant, li jinsab imsiefer. Għal-laqgħa attendew ukoll iż-żewġ Whips tal-Parlament Carmelo Abela u David Agius.

Matul il-laqgħa, l-iSpeaker Anġlu Farrugia enfasizza l-importanza li jissaħħu r-relazzjonijiet bejn il-Parlament Malti u dak Ewropew u anke li l-MEPs jipparteċipaw fil-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Barranin. L-iSpeaker sostna li anke l-kwistjoni tal-immigrazzjoni rregolari fil-Mediterran, li bħalissa qed jiffaċċjaw Malta u l-Italja, hi problema li għandha tkun trattata b’kordinament bejn il-Parlamenti Nazzjonali taż-żewġ pajjiżi u dak Erwopew, biex b’hekk jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet.

L-iSpeaker sostna li mhux kull Parlament Nazzjonali qed jifhem il-gravità tal-problema tal-immigrazzjoni rregolari u għalhekk jeħtiep li l-Parlamenti tal-Istati Membri u dak Ewropew jitrattaw din il-problema b’modi aktar b’saħħithom. L-MEPs preżenti esprimew l-impenn tagħhom lejn ħidma mill-qrib mal-Parlament Malti, filwaqt li sostnew li din il-ħidma għandha twassal biex kemm il-Parlament Malti kif ukoll dak Ewropew jersqu aktar qrib in-nies.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa spjega kif il-ħatra ta’ Jean Claude Junker bħala President tal-Parlament Ewropew għandha ssaħħaħ l-impenn lejn aktar ħidma mill-qrib bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti Nazzjonali tal-Istati Membri. Casa qal ukoll li l-immigrazzjoni rregolari għandha tkun trattata skont it-Trattati tal-Unjoni Ewropea u skont il-valuri tad-demokrazija u s-solidarjetà.

Min-naħa tagħha, l-MEP tal-PN Roberta Metsola tkellmet dwar ir-rwol tal-MEUSEC fil-kuntest tal-Parlament Nazzjonali u dak Ewropew, kif ukoll dwar l-importanza li Malta tkun imħejjija tanalizza l-proposti tal-Parlament Ewropew. Dwar l-importanza tal-ħidma aktar mill-qrib bejn il-Parlament Malti u dak Ewropew tkellmet ukoll l-MEP tal-PN Therese Comodini Cachia, li enfasizzat l-importanza li din il-ħidma twassal ħalli l-poplu jersaq aktar lejn dawn l-istituzzjonijiet tant timportanti għad-demokrazija fil-Pajjiżi Membri u fl-UE.